Assassinju Daphne: X’għamlu differenti Muscat u Delia llum?

Read in English.

L-istorja tat-Times dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ddominat ix-xena politika. Il-mexxejja taż-żewġ partiti l-kbar wieġbu għal dak li ġie żvelat b’żewġ modi differenti.

Filwaqt li Adrian Delia għadda kumment dwar il-Gvern li fil-fehma tiegħu dejjem jipprova jgħatti, Joseph Muscat wieġeb għall-dak li żvelat it-Times b’silenzju.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Gvern “dejjem jibqa’ sieket”. Dan qalu fid-dawl tal-aħħar aħbarijiet li dehru f’The Sunday Times of Malta.

Delia qal dan fuq l-istazzjon tat-televiżjoni tal-PN. Qal li qed ikunu l-ġurnalisti li jippruvaw ifittxu l-verità filwaqt li l-Gvern jipprova jgħatti. Qal li sentejn wara l-assassinju, mhux talli ma nstabx min ordna l-qtil tal-ġurnalista imma ħadd ma refa’ responsabbilità politika.

Spjega li l-partit tiegħu ilu sentejn jgħid li għandha ssir inkjesta indipendenti filwaqt li l-Gvern baqa’ jwebbes rasu.

Meta l-Gvern wara ftit inqas minn sentejn ordna waħda, qala ċanfira mill-Kunsill tal-Ewropa li ma kienx kollox kif suppost.

Skont Delia, il-Gvern aktar huwa interessat li jkisser il-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta.

“Din hija ħaġa li tmur kontra l-pedamenti ta’ demokrazija u tal-espressjoni ħielsa,” qal Delia.

Biex nissahhu u niggeddu: Maratona gbir ta' fondi tal-PN. #vizjonipn

Pajjiżna għandu bżonn direzzjoni ġdida ħielsa minn Gvern li jrid kollox f’idejn il-ftit. Intervistat waqt il-maratona ġbir ta' fondi tal-PN. #vizjonipn

Posted by Adrian Delia on Sunday, October 6, 2019

Dalgħodu għall-10.30am, Muscat attenda attività politika organizzata mill-Partit Laburista. Fiha tkellem dwar l-ekonomija, il-kostruzzjoni, u l-kannabis mediċinali. Kollha temi li diġà tkellem dwarhom b’mod estensiv. Għalkemm l-istorja tat-Times kienet diġà ħarġet, ma għamilx referenza għaliha.

X’ġie żvelat illum?

Skont rapport fil-gazzetta The Sunday Times of Malta negozjant kbir qed jingħad li huwa wieħed fost tliet persuni li qed jiġu suspettati li kienu l-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-gazzetta kkwotat żewġ sorsi viċin l-investigazzjoni.

Assassinju Daphne: Negozjant kbir fost suspettati – rapport

Ir-rapporteur għall-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assassinju staqsa x’jiġri jekk jirriżulta li l-Ministru Konrad Mizzi jkollu rabta ma’ wieħed mis-suspettati potenzjali.

Assassinju Daphne: Omtzigt jistaqsi x’jiġri jekk Konrad Mizzi jkollu rabta ma’ suspettat