Assassinju Daphne: Wieħed mill-akkużati jitlob li jitneħħa espert

L-avukati ta’ Alfred Degiorgio, magħruf bħala “Il-Fulu”, qed jitolbu li espert tal-qorti fil-qasam tal-IT u t-telefonija jitneħħa u ma jibqax iservi lill-Maġiastrat fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Iktar kmieni, l-avukati ressqu rikors b’urġenza li fih qed jitolbu t-tneħħija tal-avukat Martin Bajada, wieħed mill-esperti tal-Qorti li qed jaħdmu fuq dan il-każ.
L-avukati ta’ Degiorgio talbu biex jiġu nvalidati kwalunkwe xogħlijiet li seta’ għamel Bajada fl-inkjesta magisterjali dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia u biex jiddikjara li l-involviment tiegħu kien imur kontra d-dritt li Degiorgio jkollu proċess ġust fil-Qorti.
Ir-rikors jispjega kif l-avukat Martin Bajada kien ingħata sentenza ta’ ħabs minn Qorti fir-Renju Unit fl-1993 meta kien jaħdem mal-Air Malta.
Ir-rikors jikkwota deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell fl-2006 fejn jingħad li jekk ikun hemm dell ta’ dubju fuq l-integrità ta’ espert tal-Qorti, allura dan m’għandux jipparteċipa fil-proċess ġudizzjarju.
Il-każ ta’ Alfred u George Degiorgio, u Vince Muscat magħruf bħala “il-Koħħu”, mistenni jkompli nhar it-Tnejn li ġej.