Assassinju Daphne: “Wegħedt lil ommha u lil binha”

Jourová tgħid lill-Parlament Ewropew li se żżomm il-wegħdi li għamlet lill-familja ta' Daphne Caruana Galizia

Read in English.

Věra Jourová li mistennija tkun il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Valuri u t-Trasparenza, qalet lill-Parlament Ewropew, li meta ltaqgħet mal-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, wiegħdet lil ommha li se ssegwi l-investigazzjoni mill-qrib. Żiedet tgħid li wiegħdet lil iben il-ġurnalista li se tibqa’ impenjata għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-ġurnalisti fl-Ewropa. Jourová saħqet li dawn huma wegħdi qawwija u li se tagħmel minn kollox biex iżżommhom.

Aqra: L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola, li hi wkoll il-Koordinatur tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), f’waħda mis-seduti tas-smigħ tal-Kummissarji Ewropej, qalet li “Daphne Caruana Galizia investigat l-iskemi tal-bejgħ tal-passaporti. Nafu li m’għandhomx rabtiet ġenwini ma’ Malta u mal-Unjoni Ewropea. Nafu biss li jesponu nuqqas ta’ sigurtà u korruzzjoni, manipulazzjoni elettorali u opportunitajiet ta’ ħasil ta’ flus. Wasal iż-żmien li jiġu projbiti”.

Il-Viċi President nominata attakkat l-iskemi tal-bejgħ taċ-ċittadinanza u enfasizzat l-impenn tagħha li teżaminahom. Qablet li dawn jiġu pprojbiti, u skontha, dak li jista’ jsir hu li tgħaddi leġiżlazzjoni oħra biex ikun hemm iktar trasparenza.

Dwar ir-rispett lejn il-liġi (is-Saltna tad-Dritt), Metsola qalet lil Jourová li hi se tiġi fdata bil-portafoll li hu pilastru fundamentali fl-Ewropa. Stqarret li r-rispett lejn il-liġi hu l-bażi ta’ kollox u li jekk jiġi mhedded f’post, ikun hemm ir-riskju li r-rispett lejn il-liġi jikkrolla kullimkien. Metsola tenniet l-appell tagħha biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ rispett lejn il-liġi u li jassigura l-leġiżlazzjoni dwar is-SLAPP, ghax il-ġurnalisti għandhom ikunu protetti mhux biss milli jinqatlu imma anke minn intimidazzjoni.

Lil Metsola, Jourová weġbitha li hi tinsab impenjata li tevalwa l-leġiżlazzjoni li tipproteġi l-libertà tal-istampa.