“Kont lest nieħu lil ħu l-aħwa Degiorgio għand Keith peress li ma ħadux il-flus” – Melvin

Read in English.

Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra t-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat qegħdin jidhru quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Illum xehed Melvin Theuma, is-sensar tal-assassinju, li ngħata l-maħfra presidenzjali biex jgħid kulma jaf. Tul is-seduta tal-lum instemgħu għadd ta’ rikordings.

X’ħareġ mix-xhieda ta’ Melvin Theuma?

  • Theuma beda jirrekordja l-konverżazzjonijiet wara li Yorgen Fenech qallu li l-Koħħu (Vince Muscat) beda jikxef.
  • Yorgen Fenech ta €150,000 lil Theuma fi flus kontanti bħala depożitu għall-qtil, biex jagħtihom lil Alfred Degiorgio.
  • Yorgen Fenech qal li Keith Schembri involva ruħu biex jipproteġi lil Fenech.
  • Keith Schembri kesaħ xħin Yorgen Fenech qallu li qatilha.
  • Jerġa’ jispjega li l-kelma “ix-xiħ” kienet tirreferi għal Joseph Muscat.
  • Jgħid li wara l-qtil, Fenech qallu, “Issa armihom ‘l hemm,” b’referenza għall-aħwa Degiorgio.
14:27 Grazzi talli segwejtu Newsbook.com.mt għall-aħħar aġġornamenti mill-Qorti.
Beppe Galea
14:26 Ix-xhieda ta' Melvin Theuma waslet fi tmiema.
Beppe Galea
14:24 It-transcripts tar-recordings li nstemgħu llum se jiġu ppreżentati fil-Qorti bħal-lum ġimgħa.
Beppe Galea
14:23 L-Avukat Jason Azzopardi jistaqsi lill-Magistrat Stafrace Zammit biex jistaqsi lix-xhud f'seduta oħra.
Beppe Galea
14:21 Il-prosekuzzjoni tgħid li hemm aktar recordings imma taħseb li b'dak li nstema' sa issa huwa biżżejjed.
Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li r-recordings kollha jistgħu jinstemgħu waqt il-ġuri.
Beppe Galea
14:18 Theuma jgħid li dak iż-żmien Fenech qallu li t-tliet akkużati ma kienux se jgħaddu ġuri.
Beppe Galea
14:11 Aktar recordings qed jinstemgħu fil-Qorti.
Beppe Galea
14:05 L-Ispettur Zahra nnota li fadal 10 paġni oħra ta' transcripts li l-Qorti trid tisma' llum.
Beppe Galea
14:00 Theuma qal li kienu wiegħduh li jibqgħu jgħinu lill-aħwa Degiorgio.
Beppe Galea
13:56 Theuma semma s-somma ta' bejn €75,000 u €79,000.
Huwa ma setax jiftakar iċ-ċifra eżatta li kien hemm fuq l-irċevuta.
Beppe Galea
13:55 Theuma jgħid li darba kien wera rċevuta lil Fenech li kien irċieva mingħand Degiorgio bħala prova tal-flus li kienu qed iħallsu lill-avukati.
Beppe Galea
13:52 Theuma qal ukoll li kien ħaseb li Cardona seta' jgħinhom peress li huwa Avukat.
Beppe Galea
13:50 "Mario Degiorgio qalli li Cardona kien qed jinjorahom" – Theuma
Beppe Galea
13:45 Theuma jgħid li f'parti mir-recording hu jgħid lil Yorgen Fenech li fl-aħħar mill-aħħar, il-Koħħu, Vince Muscat jaf biss lilu.
Beppe Galea
13:41 Melvin Theuma libes il-headphones biex jisma' aħjar il-konversazzjoni fuq ir-recording.
Beppe Galea
13:38 L-Ispettur Zahra jistaqsi l-Qorti biex jerġgħu jisimgħu parti mir-recording biex jiġi ċċarat dettall.
Beppe Galea
13:33 Aktar recordings qed jinstemgħu fil-Qorti.
Beppe Galea
13:30 Theuma qed jirrakkonta konversazzjoni li kellu ma' Fenech fejn jissemma l-Imħallef Mizzi.
Beppe Galea
13:23 Theuma kien issuġerixxa li Fenech imur ikellem lill-Prim Ministru Joseph Muscat imma Fenech qallu li dak kien ikun l-agħar żball li seta' jagħmel.
Beppe Galea
13:20 Yorgen Fenech kien lest iħallas €60,000 oħra lill-aħwa Degiorgio jekk jingħataw il-bail. Huma kellhom imbagħad jitrasferixxu l-flus f'kont bankarju barra minn Malta taħt isem omm il-mara ta' George Degiorgio.
Beppe Galea
13:14 Fenech qal lil Theuma wkoll li l-persuna li kellha terfa' responsabbiltà kienet hu nnifsu (Fenech stess).
Beppe Galea
13:09 Melvin Theuma jgħid li Yorgen Fenech qallu li Vince Muscat tkellem ma' priġunier ieħor li kien il-Qorti minħabba każ relatat mad-droga, dwar l-assassinju u li l-priġunier l-ieħor kien lest jgħid lill-Pulizija dwar dak li qallu Muscat.
Beppe Galea
13:04 Theuma qed jiġi interrogati mill-Ispettur Kurt Zahra li qed jistaqsi lis-sensar tal-assassinju li ngħata l-maħfra presidenzjali biex jgħid għaliex kienu jsemmu "lix-xiħ".

Melvin xehed dwar dan f'seduti preċedenti. Illum qed jerġa' jispjega li l-kelma "ix-xiħ" kienet tirreferi għal Joseph Muscat.
Beppe Galea
13:01 Melvin Theuma jgħid li dak li spjegalu Fenech ma setax ikun veru minħabba li l-aħwa Degiorgio jekk ikunu arrestati ma kinux se jsemmu lil Fenech imma jsemmu biss lilu.
Beppe Galea
12:59 F'aktar recordings, Yorgen Fenech jgħid lil Melvin Theuma li jekk jinqabdu, hu (Fenech) jieħu l-aktar piena ħarxa ta' ħabs, imbagħad l-aħwa Degiorgio u warajhom Theuma.
Beppe Galea
12:53 Din il-konversazzjoni tinstema' ċara fir-recordings li nstemgħu fil-Qorti.
Beppe Galea
12:52 "Fenech qal lil Schembri li li ma kellu l-ebda triq oħra" – Theuma
Beppe Galea
12:50 Theuma jsemmi li meta Fenech qal lil Schembri li hu kien qatel lil Daphne Caruana Galizia, Keith Schembri kien ixxukjat.

"Keith Schembri kesaħ x'ħin Yorgen Fenech qallu li qatilha" – Theuma jirreferi dwar x'qallu Fenech.
Beppe Galea
12:49 Theuma jgħid li hekk jinstema' fir-recordins. Melvin jinsisti li hu ċert dwar dan.
Beppe Galea
12:47 Theuma jgħid li fir-recordings hemm konversazzjoni bejnu u Fenech. Fenech jinstema' jgħid li Keith Schembri involva ruħu biex jipproteġi lilu (lil Fenech).
Beppe Galea
12:45 Theuma qed jgħid li Yorgen Fenech qallu li Keith Schembri involva ruħu biex jipproteġi lil Fenech.
Beppe Galea
12:41 Fil-Qorti qed jinstemgħu aktar recordings.
Beppe Galea
12:39 Is-seduta tkompli.
Beppe Galea
12:20 Il-ġurnalisti daħlu fl-awla. Qed jistennew lill-Maġistrat Stafrace Zammit terġa' tidħol.
Beppe Galea
11:45 Il-Qorti tordna waqfa ta' nofs siegħa.
Sephora Francalanza
11:38 Theuma kkonferma li Keith Schembri mar ikla fir-residenza ta' Fenech f'Ħaż-Żebbuġ.
Sephora Francalanza
11:30 Theuma jgħid li Fenech qallu li Keith Schembri ma kellux poter jirranġa biex l-aħwa Degiorgio jingħataw il-ħelsien mill-arrest. "Ma rnexxilux jagħmel dak meħtieġ f'każijiet li hu (Schembri) implikat fihom, aħseb u ara fil-każ tad-Degiorgios," jispjega Theuma.

Kien hawn li Theuma jgħid li rrealizza li hu u l-aħwa qegħdin jiġu traduti.
Sephora Francalanza
11:29 Jgħid li hu ma aċċettax kummenti bħal dawn mingħand Fenech għax jiftakar id-drabi li Fenech għamillu pressjoni biex ikellem lil Alfred Degiorgio biex jippreparaw dak meħtieġ għall-qtil, peress li Fenech inkwieta li Daphne Caruana Galizia se tippubblika informazzjoni f'każijiet li kien implikat fihom hu.
Sephora Francalanza
11:28 Theuma jgħid li wara l-qtil, Fenech qallu, "Issa armihom 'l hemm," b'referenza għall-aħwa Degiorgio.
Sephora Francalanza
11:18 F'konverżazzjoni bejn Theuma u Fenech, Theuma jinstema' jgħid li jekk it-tliet irġiel akkużati jingħataw il-ħelsien mill-arrest u jitħallsu l-miljun ewro, u jitolbu aktar flus, hu jkun lest jgħidilhom le. Huma ma jiħdux aktar flus peress li jkunu tħallsu tal-qtil u taż-żmien li nżammew arrestati.
Sephora Francalanza
11:09 Yorgen Fenech ta €150,000 lil Theuma fi flus kontanti bħala depożitu għall-qtil, biex jagħtihom lil Alfred Degiorgio.
Sephora Francalanza
11:03 Theuma jgħid li Fenech qallu li hu kellu għaliex jinkwieta, u mhux Theuma. Madankollu, Theuma jistqarr li Fenech mhux veru ried ifisser hekk, peress li wara kollox, l-aħwa Degiorgio lilu kienu jafu.
Sephora Francalanza
11:01 Jispjega li kien jagħtihom ħafna flus minn tiegħu lil George u Alfred Degiorgio peress li lilu kienu jafu u mhux lil Fenech.
Sephora Francalanza
11:00 Jixhed, "Fenech ħareġ ħafna flus biex iseħħ il-qtil u kien jagħtini lura l-flus li jien kont nagħti lill-aħwa Degiorgio."
Sephora Francalanza
10:59 Theuma jgħid li Camilleri kien jaf li dan ma kienx minnu peress li kien Yorgen Fenech li ordna l-qtil, u hu kellu jħallas għalih ukoll.
Sephora Francalanza
10:57 Ix-xhud jissokta jgħid li kien argumenta ma' Yorgen Fenech fuq kif Kenneth Camilleri qal li l-Pulizija kellhom numru tal-mowbajl li kien juża Theuma fil-passat, u qalulu li hu n-numru tal-persuna li ordnat il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Sephora Francalanza
10:55 Jissemma' rikording ieħor, ta' konverżazzjoni bejn Melvin Theuma u Yorgen Fenech.

Theuma jikkonferma li l-konverżazzjoni seħħet f'Portomaso, fil-21 sular.
Sephora Francalanza
10:46 "Kont ngħid lil Yorgen biex jgħid lil Keith Schembri peress li kien Keith li bagħat lil Kenneth Camilleri," jgħid Theuma. Theuma qed jirreferi għal dak li twiegħed lill-aħwa Degiorgio u lil Vince Muscat.
Sephora Francalanza
10:39 Wara li sema' iżjed rikordings, Theuma jgħid li kien lest li jieħu lil Mario Degiorgio d-dar ta' Keith Schembri biex jgħidlu li Yorgen Fenech u Kenneth Camilleri ma wettqux dak li wiegħdu.
Sephora Francalanza
10:36 Melvin Theuma kien iżur lil Mario Degiorgio fid-dar tiegħu fi Triq Zerafa fil-Marsa.
Sephora Francalanza
10:31 Theuma jgħid li hu baqa' jinsisti li t-tliet akkużati jingħataw il-ħelsien mill-arrest, imma dan qatt ma ġara, u l-flus li twegħdulhom qatt ma rċivewhom.

"Kien fl-interess tiegħi li jiġri hekk," żied jgħid.
Sephora Francalanza
10:29 Qabel il-qtil, Theuma jiftakru jwassal lil Fenech id-dar ta' Schembri fil-Mellieħa.
Sephora Francalanza
10:29 "Se nerġa' ngħidha – qatt ma ddiskutejt xejn fuq il-qtil ma' Keith Schembri. Imma dejjem assoċjajtu ma' Fenech u ma' xi tip ta' involviment fil-qtil," jixhed Theuma.
Sephora Francalanza
10:28 Is-sensar iżid jgħid li Fenech ikkonfermalu li Keith Schembri bagħat lil Kenneth Camilleri.
Sephora Francalanza
10:24 Theuma jgħid li qatt ma semma lil Yorgen Fenech ma' Alfred Degiorgio. Jisħaq li l-ewwel darba li semma lil Yorgen hu kien meta ssemma fuq l-aħbarijiet.
Sephora Francalanza
10:22 Peter u Matthew Caruana Galizia jidħlu fl-awla.
Sephora Francalanza
10:22 Theuma jgħid li sar jaf li Keith Schembri bagħat lil Kenneth Camilleri biex ikellmu.
Sephora Francalanza
10:20 Ikompli jgħid li Mario Degiorgio kien irrabjat miegħu meta ħutu ma nħelsux mill-arrest u ma ħadux il-miljun li kienu mwiegħda.

Jgħid ukoll li hu baqa' jikkonferma li xi ħadd kien qed jittradih.
Sephora Francalanza
10:18 Theuma jgħid li l-informazzjoni tahielu Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
10:17 "Għid lil ħutek li se jkollhom il-pleġġ fit-22 u se jieħdu miljun kull wieħed," qal Theuma lil Mario Degiorgio.
Sephora Francalanza
10:17 Ikompli jgħid li l-qbil kien biex Yorgen Fenech jagħti l-flus lil Theuma biex dan jgħaddihom lil Mario Degiorgio.
Sephora Francalanza
10:15 Is-sensar jgħid li ddiskuta l-qtil ma' Alfred Degiorgio u darba ma' George, iżda qatt ma ddiskutieh ma' Vince Muscat.

Għalhekk, ħasbu li Theuma kien qed jiġi tradut.
Sephora Francalanza
10:13 Theuma jgħid li kien jikkomunika ma' Mario Degiorgio, ħu George u Alfred Degiorgio.

Kienu jiltaqgħu fid-dar ta' Mario wara l-qtil.
Sephora Francalanza
10:11 Imbagħad Theuma rċieva telefonata mingħand Johann Cremona u wara mingħand Kenneth Camilleri. Huma qalulu x'kien qed jiġri.
Sephora Francalanza
10:11 Theuma jgħid li meta Fenech infurmah dwar dan, kellhom xi jgħidu.
Sephora Francalanza
10:09 Theuma qal li beda jirrekordja l-konverżazzjonijiet wara li Yorgen Fenech qallu li l-Koħħu (Vince Muscat) beda jikxef.
Sephora Francalanza
10:06 Intant, fl-awla, George Degiorgio liebes nuċċali tax-xemx. It-tliet akkużati qegħdin iħarsu biċ-ċiera lejn Melvin Theuma waqt li jixhed.
Sephora Francalanza
09:57 Fil-qorti se jissemma' rikording numru 005.
Sephora Francalanza
09:55 Melvin Theuma jintalab jidħol fl-awla.
Sephora Francalanza
09:54 Il-Qorti ordnat lill-espert biex jipprovdi żewġ kopji oħra tar-rikordings.
Sephora Francalanza
09:51 L-Ispettur Keith Arnaud jgħid li hu kważi impossibbli li x-xhud jiftakar id-dettalji kollha ta' konverżazzjonijiet li kellu madwar sentejn ilu.
Sephora Francalanza
09:50 L-avukati tad-difiża joġġezzjonaw għal dan.
Sephora Francalanza
09:49 L-avukati li jirrappreżentaw lil Melvin Theuma qegħdin jistaqsu biex ikollhom kopja tar-rikordings ukoll.
Sephora Francalanza
09:47 Huwa jippreżenta pendrive biex ir-rikordings ikunu jistgħu jinstemgħu aktar faċilment fil-qorti.
Sephora Francalanza
09:45 L-espert jgħid li jrid isir aġġustament lir-rikordings biex l-istorbju fl-isfond jiġi eliminat jew jitnaqqas.
Sephora Francalanza
09:44 Espert tal-Qorti qiegħed jispjega li r-rikordings li ġew preżentati mhumiex daqshekk ċari.
Sephora Francalanza
09:41 Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit tidħol fl-awla.
Sephora Francalanza
09:40 Melvin Theuma qiegħed jistenna barra awla 22. Huwa se jkompli jixhed illum.
Sephora Francalanza
09:40 Bonġu u nilqgħukom għal dan il-blogg live.
Sephora Francalanza

L-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat ġew arrestati f’Diċembru tal-2017 u ġew akkużati formalment. Huma qed jinżammu arrestati jistennew il-proċess quddiem il-Qorti Kriminali.

Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju, diġà xehed f’dawn il-proċeduri meta nstemgħu fil-Qorti rikordings tat-telefonati bejnu u bejn it-tliet irġiel.

L-avukati William Cuschieri u Mark Sant qed jidhru għall-akkużati. L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru parte civile.

L-Ispettur Keith Arnaud qed imexxi l-Prosekuzzjoni.