Assassinju Daphne: Smigħ fil-Qorti u argument ‘strumentali’

L-investigaturi li f’idejhom għandhom il-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qalu li mhux se joġġezzjonaw jekk lit-tliet akkużati tingħatalhom maħfra presidenzjali, ladarba jiżvujtjaw kollox u jikxfu lil min bagħathom, jekk dan jeżisti.
Il-gazzetta The Malta Independent on Sunday żvelat li sorsi, li xtaqu jibqgħu anonimi, qalu li dawn l-investigaturi xtarrew il-possibiltà tal-maħfra, iżda qalu wkoll li l-għan tagħhom hu li jekk il-maħfra ma tingħatax u dawn l-akkużati jinstabu ħatja, ma joħorġux mill-ħabs sakemm imutu.
Madankollu s-sorsi ma setgħux jikkonfermaw jekk it-talba għall-maħfra tressqitx quddiem l-investigaturi fil-ħin li għadda.
L-investigaturi rnexxielhom jarrestaw lill-aħwa Degiorgio u lil Vince Muscat grazzi għal dak li sejħulu “żball” min-naħa ta’ George Degiorgio, “iċ-Ċiniż”, kif irrappurtat minn Newsbook.com.mt nhar il-Ħamis li għadda.
Meta kien se jibgħat il-messaġġ li skatta l-isplussiv li tertaq lil Caruana Galizia, “iċ-Ċiniż” induna li ma kellux flus fil-mowbajl, u uża mowbajl ieħor fuq ismu biex iċempel lill-ħabib tiegħu f’kumpanija tat-telefonija biex jgħidlu jittopjalu l-mowbajl tad-delitt b’€5.
Minħabba dan l-iżball il-Pulizija setgħet tintraċċah.
Argument bejn l-aħwa Degiorgio u persuna oħra mhux magħrufa
Sadanittant, il-ġazzetta Il-Mument qed tirrapporta li fl-aħħar ta’ Novembru, inqala’ argument bejn l-aħwa Degiorgio, “iċ-Ċiniż” u “l-Fulu”, u persuna oħra li l-identità tagħha għadha mhix magħrufa.
Kulma ntqal dwar din il-persuna hu li kienet liebsa ħwejjeġ skuri.
Is-sorsi qalu lil Il-Mument li l-argument seħħ taħt it-tinda f’Ras il-Ħanżir li qabel kienet tintuża biex tinħażen il-patata, għall-ħabta tal-11am, u tant kien jaħraq li t-tlitt irġiel daħlu ġewwa biex ma jinstemgħux.
Għalkemm is-suġġett tal-argument mhux magħruf, il-lingwaġġ kien wieħed goff.
Dan l-argument wasal għal widnejn il-Pulizija, li intensifikaw il-ħidma tagħhom sakemm qabdu lill-akkużati.
Il-middle man
Il-Mument kompla jirrapporta li s-sorsi qalulu li jista’ jkun hemm aktar nies involuti fil-manifatturar u t-tqegħid tal-bomba, iżda aktarx hemm persuna oħra li avviċinathom sabiex tħajjarhom iwettqu l-pjan għal somma flus tajba.
Ilbieraħ is-sit Malta Today wera ritratt ta’ karozza lussuża immens taċ-“Ċiniż” li qaribu tella’ fuq Facebook, minkejja li “ċ-Ċiniż” ma jaħdimx.
Qed jiġi rrappurtat li l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat “ il-Koħħu” jafu biss lil din il-persuna li avviċinathom, iżda ma jafux min bagħat lil din il-persuna, li aktarx baqa’ mistur mix-xena kollha.
Żewġ proċessi importanti għal din il-ġimgħa
Sadanittant il-gazzetta It-Torċa rrappurtat illum li sorsi qalulha li aktarx il-kumpilazzjoni tat-tliet akkużati se tibda nhar il-Ħamis li ġej, għalkemm għad m’hemmx data definita.
Il-Maġistrat tal-każ tal-assassinju hu Anthony Vella.
Każ ieħor quddiem il-Qorti, u li s-smigħ tiegħu se jibda nhar it-Tlieta quddiem l-Imħallef Silvio Meli, hu dak ta' rikors li l-familja Caruana Galizia ressqet, biex jitneħħa mill-investigazzjoni tal-qtil tal-ġurnalista, id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija, Silvio Valletta.
Il-gazzetta The Sunday Times of Malta tirrapporta li r-raġuni ewlenija hi l-fatt li Valletta miżżewweġ ministru Laburista, u għalhekk sehmu fl-investigazzjoni jista’ jkun jikser id-drittijiet fundamentali tal-familja.
“Il-Fulu” magħruf sewwa mal-Pulizija
Finalment, il-gazzetta Illum tirrapporta dwar l-istorja ta’ Alfred Degiorgio mal-Pulizija.
Fost l-oħrajn issemmi kif fl-2003 kien instab ħati li seraq Lm18,000 minn handbag ta’ mara fis-Swieqi, li mbagħad mar bihom il-Casino, xtara xi ħwejjeġ u anki tefa’ depożitu fuq karozza.
Kien ukoll akkużat b’serq ta’ tliet karozzi, imma ma nstabux biżżejjed provi.
Hu magħruf ukoll bl-involviment tiegħu fis-serqa mill-HSBC ta’ Santa Venera.
L-Illum tkompli tgħid li sa tliet xhur ilu l-“ Fulu” nħeles minn seba’ akkużi, fosthom is-serq mill-karozzi msemmi hawn fuq.