​Assassinju Daphne: “Sħaba sewda fuq Malta” – Il-President

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-assassinju brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ġab “sħaba sewda fuq Malta” u tebba’ sena li spikkat għas-suċċess ekonomiku li rriżulta f’implimentazzjoni ta’ strateġiji għall-inklużjoni soċjali.
Dalgħodu l-President kienet qed tindirizza lill-Korp Diplomatiku waqt l-iskambju annwali tal-awgurju tas-Sena l-ġdida. Fost l-oħrajn kien hemm preżenti d-Dekan tal-Korp Diplomatiku, in-Nunzju Appostoliku Mons. Alessandro D’Errico.
Il-President spjegat kif il-qtil ta’ Caruana Galizia kkawża dieqa u tbatija fost dawk ta’ rieda tajba. Sostniet li minkejja li dan id-delitt ma jirriflettix l-ispirtu f’Malta, xorta tefa’ dell ikrah.
Daphne Caruana Galizia nqatlet fi splużjoni fil-karozza li kienet qed issuq fis-16 ta’ Ottubru li għadda.
Il-President semmiet kif fl-aħħar sena ssaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u diversi pajjiżi. Enfasizzat kif l-ispirtu ta’ ħbiberija u kollaborazzjoni kien ċentrali fil-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fl-ewwel nofs tal-2017.
Għaddiet biex issemmi l-isfidi li qed taffaċċja d-dinja, fost l-oħrajn il-kriżi umanitarja fis-Sirja; is-sitwazzjoni tar-refuġjati fil-Libanu, il-Ġordan u t-Turkija; u r-relazzjonijiet prekarji bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Istati Uniti.
Qalet li fl-2018 Malta se tkompli b’miri ġodda għall-benefiċċju tal-poplu, partikolarment bit-tisħiħ ta’ proċessi għar-riforma kostituzzjonali.
Semmiet ukoll il-Belt Kapitali tal-Kultura, Valletta 2018, li fi kliemha se tkun opportunità eċċellenti għal eżempji ta’ diplomazija kulturali.
Ikkonkludiet billi wegħdet li Malta se tkompli bil-ħidma biex issaltan il-paċi fil-Mediterran.