Assassinju Daphne: “Se nibqa’ fommi sieket dwar il-każ” – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li mil-lum ‘il quddiem kien se jibqa’ fommu sieket fuq il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, għax ma ried lil ħadd jużah biex jippreġudika l-każ.
Il-Prim Ministru kien qed jagħmel referenza għall-fatt li d-difiża tat-tliet persuni akkużati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, semmietu fil-bidu tal-kumpilazzjoni tal-evidenza.
Dr Muscat qal li lbieraħ hu sempliċement wera fiduċja fl-operat tal-Prim Imħallef.
Il-Prim Ministru kien qed jitkellem waqt mozzjoni ppreżentata fil-Parlament mid-Deputat Nazzjonalista Chris Said, li fiha talab biex jitwaqqaf bord ta’ inkjesta biex jinvestiga l-allegazzjonijiet kollha fil-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-mozzjoni kienet issejjaħ biex il-bord, magħmul minn tliet imħallfin irtirati, ikun appuntat mill-Prim Ministru wara riżoluzzjoni approvata miż-żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati. B’mod partikulari l-Oppożizzjoni talbet biex il-bord jinvestiga l-imġiba tal-uffiċjali pubbliċi u impjegati ta’ kull korp pubbliku.
Madanakollu, il-Parlament m’approvax din il-mozzjoni b’36 vot kontra u 29 favur fi tmiem dibattitu jaħraq, interrott diversi drabi mill-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal li madanakollu l-Gvern għamel l-intenzjonjiet tiegħu ċari b’emendi li ħassru kompletament il-mozzjoni biex tiġi sostitwita bi stqarrija li tfaħħar lilhom infushom.
Huwa qal li l-Istat Malti naqas lill-ġurnalista Caruana Galizia għax il-pulizija ma tagħtihx protezzjoni, waqt li l-parti politika użat il-qorti biex issawwatha bil-ħtif tal-assi tagħha.
Id-Deputat Għawdxi qal li meta l-Guardian ddeskriviet lil Malta bħala ‘Stat tal-Mafja’, il-gazzetta Ingliża kienet ħanina għax il-pajjiżi l-oħra jiġġieldu l-korruzzjoni, waqt li fi kliemu f’Malta dawwarna l-kanuni kontra min jikxef l-abbuż u l-korruzzjoni.
Huwa temm jgħid li kull min m’għandux x’jaħbi għandu jivvota favur il-mozzjoni kif imressqa mill-Oppożizzjoni.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li propju llum meta bdew il-proċeduri fil-qrati kontra tliet persuni akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-poplu jħoss ċertu sens ta’ serħan li l-istituzzjonijiet huma b’saħħithom u qed jiffunzjonaw. Huwa qal li din il-mozzjoni mhi xejn ħlief estensjoni tal-ġlied intern fil-Partit Nazzjonalista u permezz tagħha, Dr Said qed isawwat lil min rebaħlu fit-taqtigħa li kellu biex jilħaq kap tal-partit.
Id-diskors tal-Ministru Chris Fearne, ġiet interrott minn point of order mill-ekskap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li qal li d-Deputat Prim Ministru qed jipprova jiżgwida l-kamra billi qed jagħti l-impressjoni li l-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġie solvut.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia osserva li din il-mozzjoni qed tiġi bbojkotjata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li ma kien jidher imkien fil-Parlament. Huwa qal li hija biss il-klikka tal-ekskap tal-Partit Simon Busuttil li kienet preżenti fil-kamra għal din il-mozzjoni.
L-ekskap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia qalet li minkejja l-operazzjoni tal-pulizija, li qalet li fakkritha fis-sensiela televiżiva ‘Miami Vice’,  il-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia għadhom jiġru barra.
Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-membri tal-Gvern kienu beżżiegħa (Chicken u Cowards) li ma kellhomx il-kuraġġ li jivvutaw favur mozzjoni li kien se jkollha l-poter tinvestiga tliet kwarti minnhom u li dwarhom kitbet Daphne Caruana Galizia.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li diversi membri parlamentari Laburisti xlew lil Chris Said li hu kien ressaq din il-mozzjoni biex tinvestiga lilu. Huwa qal li hu kien jaqbel ma’ din il-mozzjoni u kien se jivvota favur tagħha waqt li stieden lill-membri tal-gvern bix jagħmlu l-istess. Dr Delia qal li l-poplu Malti għandu d-dritt li jkun jaf jekk l-allegazzjonijiet li saru minn Daphne Caruana Galizia kinux veri u li l-mozzjoni tal-oppożizzjoni kienet opportunità tad-deheb.
Meta kien qed jagħlaq id-dibattitu, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jmur għand maġistrat inkwerenti biex jinvestiga l-allegazzjonijiet li saru minn Daphne Caruana Galizia dwaru. Hu qal ukoll li s-saltna tad-dritt u d-demokrazija tissaħħaħ biss bil-kuraġġ li wera l-Gvern b’deċiżjonijiet li ħa li jwessa’ l-poteri għal-libertà tal-istampa u jżid l-iskrutinju fuq il-persuni pubbliċi.
Waqt id-dibattitu tkellmu wkoll id-deputati Laburisti Edward Zammit, Byron Camilleri u Robert Abela. Waqt li għall-Oppożizzjoni ħadu sehem David Stellini, Ivan Bartolo u Edwin Vassallo.
Fit-tmiem is-seduta, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne aġġorna l-Parlament għall-15 ta’ Jannar wara l-btajjel tal-Milied.
“L-uniċi allegazzjonijiet li mhumiex jiġu investigati huma dawk kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni” – il-Gvern
Sadanittant, il-Gvern irreaġixxa għal dak li ntqal fil-Parlament waqt il-mozzjoni, u fost l-oħrajn fakkar li l-allegazzjonijiet kollha tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fil-konfront ta’ membri fil-Gvern kollha qed jiġu investigati.
Madankollu rrimarka li l-uniċi allegazzjonijiet li mhumiex jiġu investigati huma dawk fil-konfront ta’ Adrian Delia, il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Gvern qal li l-emendi mressqa għall-mozzjoni jirriflettu dan il-fatt.
Semma kif skontu l-mozzjoni mressqa minn Chris Said saret biex tattakka lill-Kap tiegħu stess minħabba dik li l-Gvern sejjaħ “battalji interni fl-Oppożizzjoni”.
Temm jgħid li kien Delia biss li rtira l-libelli li kien fetaħ kontra l-ġurnalista, u allura ħadd ma jista’ jikkonferma kienx vera jew le dak li allegat dwaru.