Assassinju Daphne: ‘Se nanalizza t-termini tal-inkjesta’ – Omtzigt

Ir-rapporteur tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, Pieter Omtzigt qal li se jkun qed janalizza mill-qrib it-termini tal-inkjesta indipendenti li ġiet mwaqqfa ‘l bieraħ.

AQRA: Assassinju Daphne: Prof. Refalo mhux imparzjali – Repubblika

Il-Ġimgħa filgħaxija l-Gvern ħabbar li twaqqfet inkjesta indipendenti dwar il-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia ftit jiem il-bogħod qabel ma skada ż-żmien li l-istess Kunsill tal-Ewropa ta lil Malta biex isir dan.

AQRA: Assassinju Daphne: Il-Gvern jaħtar inkjesta pubblika

F’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt Omtzigt qal li qabel ma jikkummenta se jkun qed jara t-termini ta’ referenza, l-iskop, il-poteri kif ukoll min huma l-membri. Huwa sostna li l-inkjesta għandha tkun totalment indipendenti u dawk li huma fuq il-bord tal-kummissjoni għandhom ikunu assolutament imparzjali.

Id-data tal-iskadenza li Malta ngħatat mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa kienet is-26 ta’ Settembru.

Il-Kumitat tal-Affarijiet Legali tal-istess Assemblea se jkun qed jiddiskuti l-implementazzjoni tar-riżoluzzjoni minn Malta waqt il-plenarja li se ssir fit-30 ta’ Settembru.