​Assassinju Daphne: Se jħejju rapport biex toħroġ il-verità

L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) se tħejji rapport fuq is-suġġett: L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u r-rispett lejn il-liġi f’Malta u lil hinn minna: assigurazzjoni li toħroġ il-verità.
Dan wara li għaddiet mozzjoni għar-reżoluzzjoni ffirmata minn 114-il membru tal-assemblea.
Pieter Omtzigt inħatar mill-Kumitat PACE dwar il-Liġi u d-Drittijiet Umani biex jipprepara r-rapport. Hu qal li huwa importanti li min ordna l-qtil tal-ġurnalista jingħata l-kastig li ħaqqu.
Il-President tal-PACE Michele Nicoletti qal li t-tfal tal-ġurnalista assassinata talbu għall-għajnuna u għall-impenn li l-kumitat juża’ kull mezz possibli biex din l-għajnuna tingħata.
Nicoletti temm jgħid li jekk trid terġa’ tinbena l-kunfidenza tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda f’istituzzjonijiet demokratiċi, il-kumitat għandu jilqa’ t-talba tat-tfal ta’ Daphne Caruana Galizia.
Din hija l-ewwel darba li pajjiż fl-Unjoni Ewropea qed ikun taħt skrutinju minn rapporteur speċjali.
Il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti (CPJ) qal li r-rapporteur se jkun qed isegwi l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia. Qal ukoll li se jkun qed jappella biex kwistjonijiet ta’ impunità jiġu indirizzati.