Assassinju Daphne: Se jfakkruha f’għeluq ir-raba’ xahar

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili f’Malta se jfakkar lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia f’velja li se tiġi organizzata għada l-Ġimgħa quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta.
Fi stqarrija, in-Netwerk qal li din il-laqgħa tifforma parti minn sensiela ta' attivitajiet tas-soċjetà ċivili li qed jitolbu li ssir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia li nqatlet b'mod brutali fis-16 ta' Ottubru.
Qalu wkoll li s-soċjetà ċivili se tibqa' għaddejja bl-attiviżmu biex ikun hemm ġustizzja u governanza tajba f'pajjiż mimli korruzzjoni u impunità.
L-attività qed tiġi organizzata min-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili, Occupy Justice, il-Kenniesa u l-Awturi u fiha ser jitkellmu Vanessa Farrugia, Kevin Wain (Netwerk tas-Soċjetà Ċivili), Louiselle Vassallo (Occupy Justice), Rachel Pace (il-Kenniesa) u Alex Hili (l-Awturi). 
L-attività qed issir fir-raba’ xahar minn meta nqatlet Daphne Caruana Galizia.