Assassinju Daphne: Rapport tal-FBI jintbagħat lil kumpanija Amerikana

Avukat li qed jidher għall-aħwa George u Alfred Degiorgio, akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kiser il-liġi meta bagħat kopji ta’ rapport tal-FBI lil kumpanija Amerikana.

L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

Din id-dikjarazzjoni saret dalgħodu mid-Deputat Avukat Ġenerali qabel ma ngħata bidu għas-smigħ ta’ qabel il-ġuri fil-konfront tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat, akkużati li qatlu lill-ġurnalista f’karozza bomba fil-Bidnija, fis-16 ta’ Ottubru 2017.

Assassinju Daphne: Is-smigħ ta’ qabel il-ġuri

Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia informa lill-Imħallef Edwina Grima, li l-avukat William Cuschieri, li qed jidher għall-aħwa George u Alfred Degiorgio, bagħat ir-rapport tal-FBI lil kumpanija Amerikana li mhix involuta fil-każ. Fisser li dan huwa “ksur sfaċċat tal-liġi”.  

Id-Deputat AĠ argumenta li l-Prosekuzzjoni lanqas ma għaddiet ir-rekords lill-familja tal-ġurnalista assassinata. Żied jgħid li barra minn hekk, dawn il-kumpaniji jitolbu mijiet ta’ eluf ta’ dollari għas-servizzi tagħhom. Stqarr li dan jistona hekk kif l-aħwa Degiorgio kienu bla xogħol u l-assi tagħhom jinsabu friżati. 

Il-Prosekuzzjoni talbet li r-rapport tal-kumpanija Amerikana jitħassar mir-rekords tal-każ. Il-Qorti wieġbet li se tiddeċiedi dwar dan aktar tard. Żiedet tgħid li hu f’idejn il-Prosekuzzjoni li tirrapporta din il-kwistjoni lill-Pulizija filwaqt li ddikjarat li mil-lum ‘il quddiem xejn m’għandu jingħata lil terzi.

Intant, għall-akkużat l-ieħor, Vince Muscat, il-Qorti qabbdet lil Marc Sant bħala l-avukat għajnuna legali, hekk kif Muscat ma sabx avukat li jirrappeżentah, wara li Dr Arthur Azzopardi ddikjara li mhux se jibqa’ l-avukat tiegħu. 

Assassinju Daphne: Arthur Azzopardi mhux se jibqa’ l-avukat tal-Koħħu

Il-Qorti mbagħad bdiet tisma’ s-sottomissjonijiet u l-argumenti mid-difiża u l-prosekuzzjoni.