Assassinju Daphne: Qed jiġu investigati aktar persuni

Il-Pulizija qed tinvestiga aktar persuni b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dan instema’ lbieraħ fil-Qorti Kriminali, meta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ssottometta mill-ġdid l-oġġezzjonijiet tiegħu għall-ħelsien mill-arrest tat-tlett irġiel akkużati bl-assassinju. S’issa kull talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet irrifjutata mill-Qrati.

L-avukati difensuri qed jinsistu li ma hemm l-ebda riskju li l-akkużati jbagħbsu l-evidenza jew jinfluwenzaw ix-xhieda jekk jingħataw il-ħelsien mill-arrest.  Id-deċiżjoni se tittieħed mill-Imħallef Giovanni Grixti.

L-aħwa, Alfred Degiorgo Il-Fulu, George Degiorgio Iċ-Ċiniż kif ukoll Vince Muscat Il-Koħħu, ilhom jinżammu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mill-arrest tagħhom fl-4 ta’ Diċembru li għadda.