Assassinju Daphne: ‘Nitolbu biex l-awtoritajiet jagħmlu xogħolhom’

Read in English.

In-nies li nġabru għall-quddiesa f’għeluq it-tieni anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ġew imħeġġa jitolbu biex l-awtoritajiet iwettqu d-dmir tagħhom “bla biża’ u favur”.

Dan qalu Dun David Cilia fl-omelija tiegħu fil-Knisja ta’ San Franġisk fil-Belt Valletta.

Dun Cilia qal li Caruana Galizia kienet qed tpoġġi ħajjitha fil-periklu biex tibqa’ tgħid il-verità.

“Daphne, hija mara, imma ma nqatlitx għax kienet mara.  Inqatlet għax ta’ mara li hi ma beżgħetx tgħid il-verita’ anke meta kienet skomda.  Dan huwa assassinju kiesaħ u biered u min isejjaħlu mod ieħor juri li jrid jgħatti x-xemx bl-għarbiel.  Għal ħafna żmien Daphne kienet tiġġieled waħedha, f’isimna lkoll.  Il-kuraġġ li uriet, il-professjonalita’ fl-investigazzjoni, id-determinazzjoni u l-istamina kollha servew biex poġġiet mudell għall-oħrajn ta’ kif wieħed għandu jiġġieled biex ikun ħieles fil-verita’ u fil-ġustizzja.”

Dun Cilia qal li llum, Caruana Galizia mhix waħedha.

“Huwa min jitlob li ssir ġustizzja li jrid li s-soċjeta’ Maltija tingħaqad.   Jifridha dak li ma jaħdimx biex  is-soċjeta’ tagħna tħares u tirrispetta lil kulħadd indaqs.   Il-leħen tas-soċjeta’ ċivili huwa tama qawwija li bħala ċittadini qed noħorġu minn mentalita’ servili lejn l-Istat,” qal il-qassis.

Huwa qal li kull darba li jinġabru f’dan il-post, il-ħsieb dejjem imur fuq il-famlija tal-ġurnalista.

“L-akbar inġustizzja saret magħhom,” qal Dun Cilia li żied jirringrazjhom talli minkejja l-upigħ tagħhom ma sarux ċiniċi imma baqgħu jagħtu sehemhom.