Assassinju Daphne: Negozjant kbir fost suspettati – rapport

Ian Noel Pace

Read in English.

Skont rapport fil-gazzetta The Sunday Times of Malta negozjant kbir qed jingħad li huwa wieħed fost tliet persuni li qed jiġu suspettati li kienu l-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-gazzetta kkwotat żewġ sorsi viċin l-investigazzjoni.

Il-ġurnal żvela wkoll li x-xogħol tan-negozjant kien qed jiġi investigat minn Caruana Galizia qabel ma ġiet assassinata permezz ta’ karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Madanakollu il-gazzetta qalet li l-investigaturi għadhom ma interrogawx lis-suspettat li jista’ jkun wieħed mill-imħuħ wara l-qtil. Il-ġurnal sostna li dan minħabba li l-investigazzjoni għadha trid tiġbor aktar evidenza.

Aqra: Assassinju Daphne: L-għażla ta’ Refalo tindika min qatilha – Matthew Caruana Galizia

Wieħed mis-sorsi qal li minkejja dan jinsabu ċerti li Caruana Galizia nqatlet minħabba xi ħaġa li kitbet jew li kienet waslet biex tiżvela. Intant, il-ġurnal kompla jgħid li Caruana Galizia u n-negozjant suspettat qatt ma kellhom xi battalji legali jew argumenti pubbliċi.

Novembru 2018: Il-persuni suspettati identifikati – il-gazzetta

Din hija t-tieni darba fi żmien sena li l-gazzetta The Sunday Times of Malta qed tikkwota investigaturi li jgħidu li għandhom suspett min kien wara l-qtil ta’ Caruana Galizia.

Aqra: Daphne Assassination: masterminds still at large 7 months after allegedly being identified

F’Novemberu li għadda, l-istess ġurnal kien ippubblika storja oħra li kienet tgħid li l-Pulizija identifikaw l-imħuħ wara l-assassinju tal-ġurnalista. Madanakollu, f’Ġunju ta’ din is-sena, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela kien qal lill-ġurnalisti mill-Golf li l-investigazzjonijiet kienu għadhom qed jaraw x’seta’ kien il-mottiv wara l-qtil tal-ġurnalista. Skont Abela, sa Ġunju kienu għadhom qed jippruvaw jifhmu jekk it-tliet irġiel li bħalissa huma akkużati bl-assassinju tagħha ħadmux waħedhom jew jekk kienx hemm xi persuna oħra involuta. Il-kummenti tal-Ministru kienu ġew irrappurtati mill-ġurnal Khaleej Times.

Żewġ persuni oħrajn suspettati

Fl-artiklu ppubblikat illum, il-ġurnal The Sunday Times of Malta qal ukoll li l-investigaturi qed jiffukaw fuq minn tal-inqas żewġt irġiel oħrajn li setgħu kienu involuti fil-kummissjoni tal-qtil. Wieħed minnhom huwa mifhum li għandu x’jaqsam mal-logħob tal-flus u ieħor mat-traffikar. Intant jidher li l-investigaturi għadhom ma sabu l-ebda evidenza li tista’ tinkrimina lil persuni politiċi. Madanakollu din il-possibilità għadha wkoll qed tiġi investigata.

Aqra: “Lest li nara u nisma’ lill-familja ta’ Daphne” – PM

Intant jidher li l-ebda minn dawn il-persuni suspettati ma ġew interrogati. Sors ieħor tal-ġurnal qal li dan minħabba ħsibijiet kunfliġġenti tal-investigaturi dwar is-saħħa tal-każ kontra n-negozjant. Xi investigaturi jemmnu li l-evidenza li nġabret sa issa mhix biżżejjed biex tistabblixxi prosekuzzjoni.

L-investigazzjoni qed tħares lejn id-dokumenti tal-wirt ta’ wieħed mis-suspettati, u lejn il-flus li rċeviet il-familja tal-aħwa Degiorgio, wara li ġew akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista. Dan ġie wara li l-assi tagħhom ġew iffriżati fuq każ separat.

Il-Gvern jordna inkjesta pubblika fl-assassinju

Fl-20 ta’ Settembru, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħatar lill-Imħallef Emeritu Michael Mallia biex jippresedi Kummissjoni ta’ Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fi stqarrija il-Gvern qal li l-Kummissjoni se tkun magħmula wkoll mill-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi u espert Kostituzzjonali l-Professur Ian Refalo u l-espert forensiku Dottor Anthony Abela Medici.

Aqra: Assassinju Daphne: Il-Gvern jaħtar inkjesta pubblika

Il-Gvern qal li Muscat talab li din l-inkjesta tiġi konkluża fi żmien disa’ xhur u tiġi ppubblikata fuq gwida tal-istess Kummissjoni. Intqal li l-Kummissjoni se tirregola lilha nnifisha. Il-Gvern qal li “ħa din id-deċiżjoni b’konsistenza mal-pożizzjoni ċara li dejjem kellu, iġifieri li ma hemm l-ebda diffikultà li tinħatar inkjesta pubblika ġaladarba jkun assigurat li din issir b’mod li ma timminax investigazzjonijiet u/jew proċeduri kriminali li hemm pendenti dwar dan l-omiċidju.”

Aqra: Assassinju Daphne: Il-Kunsill tal-Ewropa jikkritika l-inkjesta pubblika

Fid-diskors tiegħu tal-Ħadd ta’ wara li nħatret l-inkjesta pubblika, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern minn dejjem kien jaqbel li din issir. Dan id-diskors imur kontra l-pożizzjoni li kien ħa l-Prim Ministru nniffsu fl-2018 meta ma’ BBC Radio 4 qal li ma hemmx bżonn inkjesta oħra.