Assassinju Daphne: Muscat ma jridx li ssir ġustizzja – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru sab ħin biex jattakka lill-Oppożizzjoni iżda falla milli jwieġeb għall-mistoqsijiet li qed jagħmel kulħadd dwar dak żvelat mill-ġurnal The Sunday Times dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, il-PN kompla jgħid li ma kienx biżżejjed li l-Gvern kaxkar saqajh għal xhur sħaħ biex ħatar inkjesta pubblika dwar dan il-każ, iżda fi kliemu qed ikompli jinjora t-talba tal-familja tal-ġurnalista u tal-Oppożizzjoni biex il-membri tal-bord f’din l-inkjesta jkunu indipendenti biex ma jitħalla l-ebda dubju.

Il-PN ikkonkluda li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex itawwal u ma ssirx ġustizzja u joħroġ biċ-ċar li l-uniku interess tal-Gvern u tal-Ministru Owen Bonnici huwa li ma toħroġx il-verità jew li ma ssirx ġustizzja. Kompla li l-interess tagħhom hu li jkun ivvandalizzat dak li l-PN sejjaħ il-monument spontanju ta’ Daphne Caruana Galizia.

B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal fi stqarrija li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qed jipprova jaqbad mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia biex jipprova jiġbor ftit punti politiċi wara li sab il-qiegħ fl-appoġġ u l-fiduċja tal-poplu. Il-PL żied li Adrian Delia ċeda għall-fazzjoni ta’ dawk il-persuni li jixtiquh jitlaq mill-Partit Nazzjonalista. 

Kompla li Delia mhux jifhem li politiku serju ma jippruvax jieħu vantaġġ politiku minn investigazzjoni sensittiva dwar każ mill-aktar serju. Żied li bħalma qal il-Prim Ministru min jagħmel dan ma jkunx qed ifittex li jagħmel ġustizzja iżda jkun qed ifixkilha.

Ilbieraħ il-gazzetta The Sunday Times of Malta qalet li skont sorsi qrib l-investigazzjoni wieħed mis-suspettati wara l-assassinju tal-ġurnalista huwa negozjant kbir.