Assassinju Daphne: Min, skont ġurnalist Awstraljan, ħoloq “il-mistħija ta’ Malta”

Neil Chenoweth, ġurnalist investigattiv Awstraljan li ħadem mill-qrib tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, f’rapport twil fil-gazzetta Australian Financial Review kiteb dwar dawk li fl-opinjoni tiegħu ħolqu “mistħija ta’ Malta”.
Il-ġurnalist Awstraljan jsemmi diversi personalitajiet Maltin u barranin. Fost il-barranin isemmi lill-Iranjan Ali Sadr Hashemi Nejad, il-Kap Eżekuttiv ta’ Henley & Partners Christian Kälin. Fost il-Maltin isemmi lill-Prim Ministru Joseph Muscat, liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u lill-Ministru Konrad Mizzi.
Huwa jgħid li din “il-mistħija” inħolqot ukoll mill-istituzzjonijiet bħall-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, u l-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU
Chenoweth kiteb ukoll dwar il-kollaborazzjoni li kellu ma’ Daphne Caruana Galizia fl-investigazzjoni  tal-Panama Papers u dwar kif ħassu dwar l-assassinju tagħha.
Fl-Australian Financial Review, Chenoweth jirrakkonta kif fl-2016, għal ġimgħa sħaħ, ħadem mill-qrib tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Meta ġew żvelati l-Panama Papers fl-2016, Chenoweth kien żvela dokumenti li juru li l-kumpanija Mossack Fonseca bbażata fil-Panama avviċinat żewġ banek oħra f’isem il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Jitkellem ukoll dwar il-kumpanija Egrant u 17 Black li l-gazzetta Australian Financial Review kienet kitbet dwarhom.
Dwar Egrant, Chenoweth jgħid li f’email partikolari, Nexia BT kienet qalet lill-Mossack Fonseca li s-sid tagħha tant kien importanti li l-isem ma kienx se jinkiteb f’email iżda kien se jiġi komunikat biss permezz ta’ Skype.
L-artiklu ta' Neil Chenoweth jinsab fuq l-Australian Financial Review.