Assassinju Daphne: “Min bagħathom jista’ jiġi ttraċċat” – Espert forensiku

L-espert forensiku Dr Anthony Abela Medici qal li jista’ jiġi traċċat min bagħat lill-akkużati fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
F’intervista, Dr Abela Medici qal ma’ Newsbook.com.mt, li hemm ċans tajjeb li dan isir jekk il-Pulizija tkompli tinvestiga t-telefonati tal-akkużati u anke l-mowbajls li nstabu f’qiegħ il-baħar fil-Marsa. Spjega li dan jista’ jwassal ukoll biex il-Pulizija ssolvi omiċidji oħra tal-aħħar sentejn.
Saħaq li kull kuntatt, kemm fiżiku, elettroniku u viżwali se jħalli traċċa.
“Xi ħadd jista’ jkun innota xi ħaġa,” qal Abela Medici. “Xi mkien il-messaġġ biex jagħmlu l-ordni jew inkella biex jitħallsu saret… min bagħathom jista’ jiġi traċċat.”
Waqt il-kumpilazzjoni ta’ din il-ġimgħa ħareġ li l-komunikazzjoni bejn żewġ linji u l-mowbajls personali tal-akkużati kienu kruċjali biex wasslu għall-arresti ta’ Alfred Degiorgio l-Fulu, George Degiorgio ċ-Ċiniż u Vince Muscat, il-Koħħu, li minn ħin għall-ieħor jistgħu jitpoġġew taħt att ta’ akkuża u għalhekk jistgħu jgħaddu ġuri mill-ewwel.
“Mhux normali li l-kumpilazzjoni tkun daqshekk qasira”
Dwar il-fatt li l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit iddikjarat li hemm biżżejjed provi biex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża, wara biss ġurnata u ftit mill-bidu tas-smigħ, Abela Medici qal li mhux normali li l-kumpilazzjoni tkun daqshekk qasira.
Saħaq li dan ifisser li l-Maġistrat dehrilha li kien hemm biżżejjed evidenza biex dawn it-tliet akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża u għalhekk jgħaddu ġuri.
Il-ballun jinsab f'saqajn l-Avukat Ġenerali jista' jiddikjara li l-akkużati jinsabu taħt att ta' akkuża. Jekk dan iseħħ, minflok tkompli l-kumpilazzjoni ta' evidenza, ikun jista' jibda l-ġuri. F'każ li dan ma jseħħx, il-kumpilazzjoni tkompli fl-1 ta' Frar 2018.
Abela Medici qal li jekk issa l-informazzjoni se tkompli toħroġ fi stadju ta’ ġuri (u ma tkomplix il-kumpilazzjoni) se jkun ifisser li d-dettalji se jdumu ħafna aktar biex isiru magħrufa.