Assassinju Daphne: Mhux se nikkunsidraw inkjesta pubblika għalissa – Malta lir-Renju Unit

Read in English.

Il-Gvern Malti qal lir-Renju Unit li mhux se jkun qed jikkunsidra li jiftaħ inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan minkejja x-xewqiet tal-familja tal-ġurnalista maqtula u minkejja rakkomandazzjoni għal dan minn rapport tal-Kunsill tal-Ewropa.

Din l-informazzjoni toħroġ minn serje ta’ risposti li ta l-Ministru għall-Istat tar-Renju Unit Tariq Mahmood Ahmad għal numru ta’ mistoqsijiet mill-Baronessa Arminka Helic mill-House of Lords.

Ahmad qal li l-Gvern Malti għamilha ċara li mhux se jikkunsidra inkjesta pubblika dwar l-assassinju sakemm ikunu għaddejjin il-proċessi ġudizzjarji. Il-Gvern tar-Renju Unit qal li jirrispetta din id-deċiżjoni u se jkun qed jistenna l-eżitu tal-investigazzjonijiet.

Il-Gvern Ingliż jikkunsidra jiltaqa’ mal-familja ta’ Caruana Galizia – Ahmad

Ahmad qal li l-ebda ministru tar-Renju Unit ma ltaqa’ mal-familja Caruana Galizia, però qal li l-Gvern huwa lest li jikkunsidra jiltaqa’ mal-familja jekk ikun hemm talba bil-miktub.

Ahmad qal li l-Gvern għamilha ċara kemm fil-pubbliku u anke fil-privat mal-Gvern Malti li r-Renju Unit jrid li ssir ġustizzja.

Ahmad qal ukoll li numru ta’ deputati tal-Gvern tar-Renju Unit kienu ltaqgħu ma’ Membri Parlamentari Maltin fejn iddiskutew l-assassinju. Spjega li l-aktar laqgħa reċenti saret fit-13 ta’ Mejju bejn id-Deputati għall-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi.

Ahmad qal li l-Gvern Malti diġà assigura pubblikament u privatament li qed isir kull sforz biex issir ġustizzja fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista. Ahmad qal ukoll li l-Gvern Malti wera interess li jmur għall-konferenza dwar il-ħelsien tal-midja tal-Gvern tar-Renju Unit f’Lulju. Qal li l-Gvern Malti beħsiebu jagħmel hekk biex juri li Malta lesta taħdem ma’ imsieħba barranin biex iżżid il-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-libertà tal-espressjoni.

Ahmad spjega li peress li hemm proċessi kriminali u ġudizzjarji f’Malta dwar l-assassinju, il-Gvern tar-Renju Unit għadu ma qajjimx il-każ mal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea jew fis-Segretarjat tal-Commonwealth.

Reċentament ġie approvat ir-rapport ta’ PACE dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Ir-rapport jgħid li hi kienet l-aktar ġurnalista investigattiva magħrufa u segwita f’Malta. Hi kienet tiffoka fuq il-korruzzjoni fost il-politiċi Maltin u uffiċċjali pubbliċi.

Ir-rapport qal li l-awtoritajiet Maltin fallew milli jsibu min ordna l-qtil. Qalu li dan iqajjem ħafna mistoqsijiet dwar ir-rispett lejn il-liġijiet f’Malta. Fir-reżoluzzjoni annessa mar-rapport, Malta se tkun qed tintalab tiftaħ inkjesta indipendenti u pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista. Madanakollu, Malta mhix obbligata li timplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

Aġġornata(2): Assassinju Daphne: “Ir-rapport approvat ta’ Omzigt żbilanċjat” – Il-Gvern

Fi kliem Arminka Helic, id-drittijiet umani mhumiex portafoll. Qalet li ma jistgħux jinfirdu minn deċiżjonijiet tal-affarijiet barranin u relazzjonijiet bilaterali. Qalet li dan hekk kif is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin iqajjem il-kwistjoni tal-priġunerija tal-Musulmani fiċ-Ċina u kif il-Ministru għall-Ewropa jistinka għal inkjesta indipendenti fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’Malta.