Assassinju Daphne: Messaġġ li “jekk ixxellifha magħna, jiġrilek bħalha”

Avukata u rappreżentanta tal-għaqda mhux governattiva European Centre for Press and Media Freedom, saħqet li l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jibgħat messaġġ wieħed u ċar lill-ġurnalisti: “jekk ixxellifha magħna, jiġrilek bħalha”.
Waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM, Dr Flutura Kusare, insistiet li l-qtil ta’ ġurnalist jew ġurnalista huwa attakk indirett fuq il-ġurnalisti kollha.
Kusare, li nhar il-Ħamis attendiet il-kumplazzjoni tax-xhieda dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, fakkret fl-importanza li ħadd ma jorqod fuq is-sitwazzjoni u għalekk fakkret li kull min hu mħasseb għandu jibqa’ jieħu azzjoni.Kompliet billi ħeġġet liċ-ċittadini Maltin biex ikomplu l-kampanji tagħhom f’isem il-libertà tal-kelma, lill-awtoritajiet biex ikomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom u ma jiffukawx biss fuq it-tliet suspettati imma wkoll fuq min orkestra l-att kriminali. Irreferiet ukoll għall-komunità internazzjonali sabiex tieħu rwol attiv f’dak li qed jiġri f’Malta.
Waqt l-intervista, l-avukata semmiet ukoll l-importanza li jittieħdu miżuri konkreti fejn tidħol id-direttiva fuq il-protezzjoni tal-whistleblowers li tista’ tassigura l-ħarsien tagħhom b’mod aktar sħiħ.
Ara l-programm sħiħ hawnhekk: