Assassinju Daphne: MEPs qed jippruvaw jiskreditaw l-investigazzjoni – Bonnici u Dalli

Il-Ministru Owen Bonnici u l-Ministru Helena Dalli qalu li ħames Membri tal-Parlament Ewropew qed jippruvaw jiskreditaw l-investigazzjoni fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dan qaluh f’ittra lill-Viċi President tal-Kumissjoni Ewropea Frans Timmermans u lill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Věra Jourová. Skont Bonnici u Dalli, l-ittra tal-ħames MEPs li ntbgħatet lil Timmermans u Jourová wkoll tgħid ħafna dwar l-imparzjalità tal-missjoni li wettqu f’Malta.

Il-Ministri qalu li l-Gvern ma poġġa l-ebda limitu fuq ir-riżorsi li jistgħu jintużaw għall-investigazzjoni fil-qtil ta’ Caruana Galizia. L-ittra li qed jirreferu għaliha ntbgħatet mill-MEPs David Casa (EPP), Ana Gomes (S&D), Monica Macovei (ECR), Maite Pagazaurtundúa (ALDE) u Stelios Kouloglou (GUE/NGL). F’din l-ittra, huma elenkaw diversi punti li jgħidu li juru l-inġustizzja li qed issir fl-investigazzjoni tal-qtil tal-ġurnalista, fosthom li Silvio Valletta, l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija, kien qed imexxi l-investigazzjoni meta hu miżżewweġ lill-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana. Semmew ukoll l-allegazzjonijiet li tqajmu fil-konfront tal-Ministru Chris Cardona, li attenda bachelors’ party li attenda għalih ukoll wieħed minn dawk akkużati għall-qtil tal-ġurnalista.

Fi kliem Bonnici u Dalli, kull allegazzjoni serja li saret kontra l-Gvern Malti qed tiġi investigata minn “maġistrati indipendenti”. Fl-ittra l-Ministri fakkru fl-investigazzjoni Maġisterjali li saret dwar il-Kumpanija Egrant li sabet li din ma kienetx tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Qalu li dan juri li f’Malta l-liġijiet huma rispettati. Bonnici u Dalli jħossu li l-ittra tal-MPEs mhix f’postha u li għandha biss l-intenzjoni li tattira attenzjoni għal skopijiet ulterjuri.

Tista’ taqra l-ittra sħiħa ta’ Bonnici u Dalli minn hawn.