Assassinju Daphne: Malta għandha tkompli tinvestiga – Jourová

    'L-imwiet ta' Caruana Galizia u Kuciak huma tebgħa fuq il-kuxjenza demokratika Ewropea' - Jourová.

    Read in English.

    Il-Kummissjoni Ewropea (KE) trid li Malta tkompli tinvestiga l-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia. Dan qalitu l-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Věra Jourová.

    Jourová qalet dan fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet li sarula bi tħejjija għall-vot dwar in-nomina tagħha bħala kandidata għall-pożizzjoni ta’ Viċi-President għall-Valuri u t-Trasparenza.

    Qalet li fl-irwol tagħha ta’ bħalissa li jinkludi wkoll il-portafoll tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri ġġieldet kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fost affarijiet oħra. Qalet li se tkompli taħdem fuq l-ugwaljanza mal-Kummissarju għall-Ugwaljanza l-ġdid tal-KE. F’Ottubru, l-MEPs se jkunu qed jivvutaw fuq in-nomina tal-Maltija Helena Dalli għal dan l-irwol.

    Skont Jourová, ir-rispett lejn il-liġi (is-saltna tad-dritt) għandha tmexxi l-għaqda Ewropea u mhux tkun sors ta’ diviżjoni.

    “Is-saltna tad-dritt hija waħda mill-valuri ewlenin tagħna u ma tistax tinfired minn mad-demokrazija u minn mad-drittijiet fundamentali inkluż il-midja ħielsa.”

    Il-Kummissarju qalet li stħarriġ juri li l-ebda stat membru tal-UE mhu ħieles mir-riskji għall-ħelsien tal-midja. Żiedet tgħid li żviluppi reċenti f’xi pajjiżi iqajjmu tħassib serju.

    Skont il-Kummissarju, il-ħelsien tal-midja li jinkludi s-sigurtà tal-ġurnalisti huwa pilastru tad-demokrazija.

    “Mingħajr midja ħielsa, il-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter jistgħu jiffjorixxu. Għalhekk nemmen li theddid għall-ħelsien tal-midja f’pajjiż wieħed huwa theddid għall-UE sħiħa.”

    Jourová fakkret li l-KE kkundannat l-assassinju tal-ġurnalisti investigattivi Daphne Caruana Galizia u Ján Kuciak. “L-imwiet tagħhom huma tebgħa fuq il-kuxjenza demokratika Ewropea,” qalet Jourová.

    Jourová qalet li l-KE tistenna investigazzjonijiet indipendenti fiż-żewġ każijiet. Il-KE qed tħeġġeġ lill-awtoritajiet ta’ Malta u ta’ Slovakkja biex ikomplu bl-investigazzjonijiet sakemm issir ġustizzja.

    Jourová qalet li skont każijiet li nqatgħu fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani, l-istati membri għandhom jassiguraw li ma jkunx hemm impunità għal dawk li jattakkaw lill-ġurnalisti.

    Fi kliem il-Kummissarju, waħda mill-isfidi li se taffaċċja l-Kummissjoni l-ġdida se tkun dwar kif se tara li l-industrija tal-midja tkun aktar ekonomikament sostenibbli . Dan biex il-midja tkun tista’ tkun l-għassies tal-pubbliku.