Assassinju Daphne: L-MEPs għal Malta wara żjara s-Slovakkja

Illum se jaslu Malta l-erba’ Membri Parlamentari Ewropej li se jkunu qed janalizzaw l-andament tal-investigazzjonijiet fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huma ġejjin Malta wara żjara oħra simili fis-Slovakkja.

Dan wara li l-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili ddeċieda f’Mejja li għadda li jlaħħaq grupp ġdid ta’ Membri Parlamentari Ewropeh li jsegwu s-sitwazzjoni tas-Saltna tad-Dritt u jissieltu kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Huma ġew appuntanti speċifikament minħabba l-assassinji ta’ ġurnalisti f’Malta u fis-Slovakkja.

Il-membri ta’ dan il-kumitat li ġejjin Malta huma Sophia in’t Veld min-Netherlands (ALDE) li hija l-President tal-grupp u l-Kap tad-Delegazzjoni, Roberta Metsola (EPP), Josef Weidenholzer (S&D) u Sven Giegold (Greens/EFA).

Fi stqarrija mill-Parlament Ewropew ġie spjegat li dawn se jkunu qed jiltaqgħu kemm mal-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u l-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi. Se jkunu qed jitkellmu wkoll mal-Avukat Ġenerali, il-Prim Imħallef, il-Pulizija u l-kapijiet tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji u l-Aġenzija tal-Gvern ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU). L-MPEs se jkunu qed jitkellmu wkoll ma’ ġurnalisti u rappreżentanti ta’ the Daphne Project, NGOs u l-familja Caruana Galizia.

Wara ż-żjara tagħhom fis-Slovakja, l-MPE Sophie in’t Veld qalet li jinsabu kuntenti bl-andament tal-investigazzjoni fl-assassinju tal-ġurnalista Ján Kuciak u t-tfajla tiegħu. Hi rrimarkat li mhux talli hemm bżonn li ssir ġustizzja ma’ dan il-ġurnalist, li wkoll li tiġi ggarantita s-sigurtà għall-ġurnalisti kollha. Hi talbet għat-tisħiħ tal-Eurpol u talbet sabiex l-Ewropa ma ssirx xempju tal-kriminalità.