Assassinju Daphne: L-Istati Uniti lesti jgħinu fl-investigazzjoni

Read in English.

L-ambaxxata tal-Istati Uniti f’Malta qalet li l-Istati Uniti jinsabu lesti jgħinu fl-investigazzjoni fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija fl-okkażjoni tat-tieni anniversarju mill-assassinju, l-ambaxxata qalet li għadu mhux tard wisq għal Malta biex tara li ssir il-ġustizzja fir-rigward ta’ dawk li qatluha b’mod kredibbli.

L-ambaxxata qalet li sa mill-2010 kien hemm 19-il attakk b’bombi – 5 kienu fatali. Qalet li ħafna minnhom baqgħu ma ssolvewx.

“L-attakk fuq Daphne jispikka għax kienet ġurnalista influwenti u blogger ta’ fama internazzjonali li ħadet riskji biex tippromwovi trasparenza akbar u tgħid verità skomda lil dawk fil-poter.”

L-Istati Uniti qalu li diġà assistew lill-awtoritajiet Maltin fl-investigazzjoni li waslet għall-arrest ta’ tliet persuni. Qalet li lesta tgħin l-investigazzjoni jekk jiġu mitluba jagħmlu dan mill-awtoritajiet Maltin.

L-ambaxxata qalet ukoll li tilqa’ d-deċiżjoni li ssir inkjesta pubblika dwar il-każ.

Remembering Daphne Caruana Galizia

Posted by U.S. Embassy Valletta, Malta on Wednesday, October 16, 2019

Il-Gvern jibqa’ kommess li jfittex il-Ġustizzja

Fi stqarrija l-Gvern iddeskriva l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia bħala attakk xokkanti fuq il-pajjiż kollu, filwaqt li tenna l-impenn tal-awtoritajiet kompetenti li jaħdmu biex issir ġustizzja.

Il-Gvern qal li l-investigazzjonijet għadhom għaddejjin filwaqt li fakkar kif fi stadji differenti tal-investigazzjonijiet taw sehmhom organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-FBI u l-Europol. Il-Gvern qal li l-investigazzjonijiet taw ir-riżultati għax fi żmien 50 jum mill-qtil ta’ Daphna Caruana Galizia, tliet persuni ġew arrestati u tressqu l-qorti akkużati bil-qtil tagħha. Din is-sena huma tpoġġew taħt att ta’ akkuża.

Il-Gvern fl-istqarrija qal li għandu fiduċja fil-ħidma tal-investigaturi, kif ukoll fil-ħila tal-indipendenza tal-maġistrat inkwirenti li qal, “għandhom jitħallew jaħdmu b’indipendenza u b’serenità.”

Il-Gvern għadu lura fl-obbligi tiegħu lejn l-investigazzjoni – Kunsill tal-Ewropa

Il-Gvern għadu lura fl-obbligi tiegħu biex jassigura li l-investigazzjonijiet fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jsiru b’mod effettiv u indipendenti. Dan intqal fi stqarrija konġunta bejn il-Kummissarju għad-Drittijiet Umani tal-Kunsill tal-Ewropa Dunja Mijatović, ir-Rapreżentant tal-OSCE għall-Ħelsien tal-Midja Harlem Désir, ir-Rapporeur Speċjali tal-UN għad-Dritt għall-Libertà tal-Opinjoni u l-Espressjoni, u r-Rapporteur Speċjali tal-UN għall-eżekuzzjonijiet extraġudizzjali.

Dawn fakkru li wara sentejn mill-assassinju, il-moħħ warajħ għadu ma nqabadx.

Appellaw lill-awtoritajiet biex jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex iħaffu l-proċess biex ikun hemm kontabbilità. Qalu wkoll li l-investigazzjoni fl-assassinju għandu jkun l-ogħla prijorità politika ta’ Malta.

Staqsew ukoll meta se tkun qed issir ġustizzja. Qalu li l-Gvern Malti huwa dovut li jwieġeb.

Il-Kamra tal-Kummerċ ittenni l-appell

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ tenniet l-appell tagħha għall-verità u għall-integrità.

Il-Kamra selmet lil dawk kollha li jitkellmu l-verità fil-qadi ta’ dmirijiethom u jipprovdu servizz lill-pajjiż.

Sentejn mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

Those reporters, journalists and newspapers who feebly try to pay tribute to Daphne on the second anniversary of her…

Posted by Mandy Mallia on Wednesday, October 16, 2019

F’din il-ġurnata kulħadd irid jiddixxerni l-verità fuq Malta – KSU

Il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) f’din il-ġurnata qal kulħadd għandu jiddixxerni dwar il-verità li Malta tinsab fis-77 post fl-indiċi tar-Reporters Without Borders’ World Press Freedom Index. Il-Kunsill Universitarju qal li wara sentejn għadhom ma ġewx identifikati l-imħuħ wara dan l-assassinju. Żied li hemm bżonn li l-libertà tal-espressjoni ma tibqax biss liġi imma ssir parti mill-identita ta’ Malta bħala Nazzjon.

Filmat: Sentejn ilu, fl-istess post, fl-istess ħin