​Assassinju Daphne: L-ippuntar tas-subgħajn ma jwassal imkien – AD

Iċ-Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika (AD) Carmel Cacopardo qal li l-poplu Malti jrid jibda jħares ‘il quddiem minflok jeħel fl-ippuntar tas-subgħajn li mhu qed iwassal għal imkien.
F’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, Cacopardo qal li l-AD tinnota l-klima negattiva li żviluppat fil-pajjiż wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li filwaqt li jifhem u japprezza li l-pajjiż għadda minn xokk u rabja, il-pajjiż ma jistax jibqa’ jbati bi tfigħ ta’ tajn u akkużi minn tribujiet politiċi.
Cacopardo sostna li din il-klima qed twassal għal ħsara irreparabbli għar-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta u anke qed timmina l-istituzzjonijiet li diġà kienu dgħajfa. 
Fi stqarrija, il-partit qal li jħoss li l-pajjiż għandu żewġ prijoritajiet importanti quddiemu: l-ewwel li min wettaq dan l-att atroċi jinqabad u jitressaq quddiem il-ġustizzja mill-iktar fis.
It-tieni prijorità skont l-AD hija li b’mod immedjat, jitnieda tentattiv serju biex titfassal riforma kostituzzjonali mill-qiegħ li twassal għal tisħiħ tabilħaqq tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’Malta.
Cacopardo qal li jaqbel mad-dikjarazzjoni ta’ Rosy Bindi mill-Kummissjoni Taljana Kontra l-Mafja, li Malta għandha taħdem biex tagħlaq ix-xquq fl-operat tal-istituzzjonijiet tagħha, biex il-kriminalità organizzata ma jkollhiex l-ispazji biex topera.
Il-partit qal li wasal iż-żmien biex tiġi varata l-konvenzjoni fuq il-kostituzzjoni li ilha mwiegħda s-snin u li tlaqqa’ flimkien il-partijiet konċernati kollha.