Assassinju Daphne: L-investigazzjoni tirrispetta d-drittijiet umani – Il-Gvern; uliedha jwieġbu

Il-Gvern Malti qed jgħid li l-investigazzjoni dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia tirrispetta d-drittijiet umani, iżda malajr irreaġixxew ulied il-ġurnalista assassinata.
Dan hekk kif ċaħad dak li qed jingħad fir-rapport maħruġ mid-ditta internazzjonali ta' avukati Doughty Street Chamber.
Din id-ditta internazzjonali qalet li temmen bis-sħiħ li l-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista qed tikser Artiklu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR).
F’parir ta’ 24 paġna, mogħti lill-familja ta’ Caruana Galizia, l-avukati tad-ditta bbażata fir-Renju Unit, qalu li biex tkun tista’ ssir investigazzjoni indipendenti, kif titlob il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Umani, għandu jitneħħa d-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta peress li Caruana Galizia kenm-il darba kitbet dwaru fil-ħidma investigattiva tagħha.
Il-Gvern qal li d-ditta qed tagħmel allegazzjonijiet irresponsabbli u serji li juru nuqqas ta’ rispett lejn il-Qrati Maltin.
Skont il-Gvern, l-allegazzjonijiet mhumiex ibbażati fuq provi imma fuq il-mod kif il-klijenti tad-ditta, b'referenza għall-familja ta’ Caruana Galizia, iħarsu lejn il-Gvern.
Il-Gvern qal li t-ton tal-“Appell Urġenti” huwa li l-istat huwa involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia “għax prattikament qed jargumenta li l-ebda awtorità Maltija ma għandha tkun involuta fl-investigazzjoni.”
“Dawn huma allegazzjonijiet irresponsabbli li l-għan tagħhom huma li jheddu l-kredibilità u l-awtorità tal-istituzzjonijiet Maltin u internazzjonali,” tisħaq l-istqarrija.
Il-Gvern fakkar li fl-investigazzjoni hemm involuti l-FBI, il-Europol u esperti Olandiżi u Fillandiżi u kwalunkwe sejħa minn dawn l-avukati biex ikun hemm investigazzjoni internazzjonali tfisser biss li jridu jeliminaw lill-awtoritajiet Maltin bix-xena.
Kien hawn li saħaq li dan huwa insult lejn il-pajjiż u l-Qrati tiegħu.
“Huwa ċar li dan “l-Appell Urġenti” ma huwa xejn għajr attakk mhux infurmat u spekulattiv fuq Gvern elett demokratikament u fuq l-Istat Malti għal raġuni magħrufa biss minn min ikkummisjonah,” ittemm tgħid l-istqarrija.
"It-totalitarjaniżmu ta' Muscat issa fil-beraħ" – Ulied Daphne
Mill-ewwel irreaġixxew it-tfal tal-ġurnalista assassinata li ddeskrivew l-istqarrija tal-Gvern bħala prova tat-totalitarjaniżmu tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li fi kliemhom issa ħareġ fil-beraħ.
Paul Caruana Galizia qal li għax talbu biex id-drittijiet bażiċi tagħhom ikunu rrispettati, il-familja Caruana Galizia ġiet ittimbrata bħala għadu tal-istat.
Tal-istess opinjoni kien ħuh Andrew li kiteb kif meta titlob lill-istat Malti għad-drittijiet bażiċi tiegħek jakkużak li qed tipprova timminah.
Min-naħa tiegħu, Matthew Caruana Galizia qal li Malta hi mudell ġdid ta' totalitarjaniżmu tal-lemin estrem
Qal li hu kburi b'pajjiż li jagħti d-drittijiet ċivili lil kulħadd iżda mhux kburi b'pajjiż li jisplodi lill-ġurnalisti tiegħu u l-politiċi jeħilsuha ħafif anke jekk joqtlu.

https://platform.twitter.com/widgets.js