Assassinju Daphne: L-Imħallef bi kliem iebes fuq ir-rapport tal-avukati Ingliżi; jimbotta għal ftehim

Hekk kif dalgħodu bdiet tinstema' fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili t-talba tal-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, biex id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta jitneħħa mill-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista, l-Imħallef Silvio Meli ħeġġeġ lill-avukati tal-familja Caruana Galizia u tad-Deputat Kummissarju, biex jilħqu ftehim qabel ma jitressqu l-provi taż-żewġ partijiet.
Fl-awla kien hemm preżenti żewġ il-ġurnalista Peter Caruana Galizia, id-Deputat Kummissarju Silvio Valletta u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. 
Għall-familja tal-ġurnalista assassinata qed jidhru Dr Jason Azzopardi, Dr Eve Borg Costanzi u Dr Therese Comodini Cachia, filwaqt li Silvio Valletta qed jiġi rrappreżentat minn Dr Victoria Buttigieg.
L-appell tal-familja Caruana Galizia ġie sostnut b'rapport li ħarġet fil-jiem li għaddew id-ditta internazzjonali ta' avukati Doughty Street Chamber ibbażata fir-Renju Unit, li qalet li biex tkun tista' ssir investigazzjoni indipendenti, kif titlob il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Umani, għandu jitneħħa Silvio Valletta, minħabba li Caruana Galizia kemm-il darba kitbet dwaru fil-ħidma investigattiva tagħha. 
"Ilħqu ftehim mill-iktar fis: il-kwistjoni tħasseb lill-poplu Malti kollu"
L-Imħallef saħaq fuq il-bżonn li jintlaħaq ftehim mill-iktar fis għaliex il-kwistjoni m'għadhiex tikkonċerna biss liż-żewġ partijiet li kienu qed jiġu rrappreżentati fil-Qorti, iżda skontu issa bdiet tikkonċerna lill-poplu Malti kollu, li fi kliemu, minħabba ndħil mhux infurmat jew barrani qed jifforma stampa iktar mċajpra tas-sitwazzjoni li jinsab fiha l-pajjiż. 
Skontu, il-poplu jrid jara b'għajnejh li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż huma kapaċi jaħdmu flimkien. 
"Tfittxux biex tirbħu dan il-każ biex toħorġu ta' eroj, imma…"
Għalhekk l-Imħallef appella liż-żewġ naħat biex ma jfittxux li jirbħu dan il-każ biex joħorġu ta' eroj, iżda biex jitkellmu, jibnu pont bejniethom u jsibu soluzzjoni flimkien, għall-ġid komuni.  
Il-familja Caruana Galizia qed targumenta li Valletta m’għandux ikompli jinvestiga l-każ ladarba hu mhuwiex biss persuna esposta politikament, bħala żewġ il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, iżda li kien ukoll fil-mira ta’ kritika qawwija fil-ħidma investigattiva tal-ġurnalista.
L-Imħallef Meli qal li l-ebda ndħil minn avukati barranin u l-attitudni neokolonjali tagħhom mhu se jimpressjonawh, anzi skontu, qajmu ħafna għagħa għalxejn fost il-poplu Malti, filwaqt li ddeskriva l-indħil tal-avukati bħala "orkestrazzjoni medjatika manipulattiva immirata biex il-Qorti tiġi influwenzata fl-orjentazzjoni tagħha", hekk kif kienet għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar l-każ. 
L-Imħallef jikkwota lill-Prim Imħallef tar-Renju Unit dwar xi jfixkel il-ħarsien tal-liġi
Minbarra dan, l-Imħallef irrefera għall-kummenti tal-Lord Chief Justice Bournett, li huwa l-Prim Imħallef tar-Renju Unit, li qal li tali manuvrar u manipular li jinxtered permezz tal-mezzi tax-xandir u tal-midja soċjali ifixklu xogħol l-istituzzjoni tal-Qorti u tal-ġuriżdizzjoni li qed teżamina l-każ, filwaqt li jimmina wkoll il-ħarsien tal-liġi billi jikkostitwixxi attakk fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, li hi fil-fatt il-qalba tal-ħarsien tal-liġi, jew kif inhi msejħa s-saltna tad-dritt.
Min-naħa tiegħu, il-Gvern ukoll kien ċaħad dak li ntqal mid-ditta.
Filwaqt li saħaq li l-allegazzjonijiet serji li kienet qed tagħmel juru nuqqas ta’ rispett lejn l-istituzzjonijiet Maltin, qal ukoll li l-istampa li qed ipinġu tas-sitwazzjoni ma tirriflettix il-verità, ladarba hija bbażata biss fuq l-opinjonijiet tal-familja Caruana Galizia, il-klijenti tad-ditta.
Fl-20 ta' Diċembru jitressqu l-provi
Waqt is-smigħ tal-każ, Dr Therese Commodini Cachia qalet li min-naħa tagħhom ir-rikorrenti lesti li jisimgħu l-proposti tal-parti l-oħra jekk huma lesti li jipproponu rimedju, iżda ddikjarat li xorta waħda jixtiequ li jippreżentaw il-provi tagħhom qabel ma jintlaħaq ftehim.
Għal din ir-raġuni, issejjaħ diferiment għall-provi għall-20 ta' Diċembru.