Assassinju Daphne: “L-għotja ta’ €1 miljun għadha miftuħa” – Il-Ministeru

Filwaqt li la ċaħad u lanqas ikkonferma li kien hemm min ta informazzjoni li potenzjalment tista’ tikkwalifika għall-għotja ta’ €1 miljun, kelliema għall-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-għotja għadha hemm għal min iwassal informazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-Ministeru qal dan meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk kienx hemm persuna jew persuni li ressqu b’informazzjoni li wasslu għall-arresti ta’ nhar it-Tnejn li għadda u biex l-għada tressqu tliet persuni l-Qorti.
Dwar dan, il-Ministeru wieġeb li “l-Pulizija u s-Servizzi Sigrieti ta’ Malta għamlu xogħol investigattiv u xogħol forensiku li wassal għall-arresti. L-esperti barranin taw l-input tagħhom kif se jkun magħruf waqt il-kumpilazzjoni illi se tkun għaddejja.”
Minkejja dan, l-istess kelliema qalet li f’dan l-istadju ma jkunx prudenti li tingħata aktar informazzjoni.
Il-Gvern kien offra s-somma ta’ €1 miljun għal min jgħaddi xi informazzjoni lill-awtoritajiet dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia.
Iżda kien inqtal li mhux se jkun il-Gvern li jiddeċiedi min jieħu s-somma, imma li l-punt ta’ riferiment se jkun ir-rapport tal-Inkjesta Maġisterjali.
Waqt li talbu għar-riżenja tal-Prim Ministru, il-familja ta’ Caruana Galizia kienet qalet li mhux flus iridu imma li jinbidlu l-affarijiet.