Filmat: Assassinju Daphne: Il-Maġistrat tilqa’ t-talba tal-akkużati; il-Qorti trid taħtar Maġistrat ieħor

12:32 Il-Maġistrat tilqa' t-talba għar-rikuża u titlob biex ir-reġistratur tal-Qorti jaħtar Maġistrat ieħor.  Fi kliemha dan bil-għan li l-ġustizzja ssir u tidher li qed issir.  Il-Maġistrat il-ġdid se jittella' bil-polza.
12:24 Il-Maġistrat tidħol fl-awla u tibda tikkomunika d-deċiżjoni tagħha. Tikkowta każi Maltin u Ewropej dwar l-imparzjalità tal-ġudikatura u dwar il-bżonn li l-ġustizzja tidher li qed issir. 
12:03 Jidħol fl-awla Peter Caruana Galizia, l-armel tal-ġurnalista assassinata, li jmur fuq il-bank mal-avukati tal-familja. Membri oħra tal-familja Caruana Galizia: il-ġenituri ta' Daphne u żewġ ħutha jinsabu bilqiegħda fuq bank, żewġ ringieli 'l bogħod mill-bank tal-akkużati.
11:57 Raġel fl-awla jinqabad jieħu ritratt u jiġi mwissi mill-Pulizija.
11:54 L-akkużati jerġgħu jiddaħħlu fl-awla.
10:09 Il-Maġistrat tgħid li l-Qorti se tagħrbel dak li qalu l-avukati, bis-seduta terġa' tkompli f'nofsinhar.
10:02 Dr Therese Comodini Cachia f'isem il-familja tal-vittma, qalet li  Daphne Caruana Galizia kienet persuna pubblika u magħrufa, bħalma hu żewġha bħala avukat. Saħqet li jekk se ssir rikuża fuq din il-bażi, qed tiġi sitwazzjoni fejn ma ssir ġustizzja ma' ħadd. 
9:57 Skambji bejn l-avukati tal-akkużati u l-avukat tal-Prosekuzzjoni dwar jekk għandhiex tinżamm il-Maġistrat. Fost l-oħrajn avukat tad-difiża qal li minkejja li mhux imħasseb dwar l-imparzjalità tagħha, ma jridx li kuntatt tal-passatt jaffettwa l-każ.   
9:51 L-avukati l-oħra tal-akkużati jaqblu ma' Dr Valenzia li l-Qorti tirrikuża ruħha. Il-Maġistrat tistaqsi kif skambju sporadiku ma' membru tal-familja għandu jaffettwa smigħ xieraq.
9:50 Dr Benjamin Valenzia qal li l-akkużati wrew ix-xewqa li l-Maġistrat tinbidel minħabba l-iskambju riċenti li kellha ma' oħt l-akkużata. 
9:49 Dr Philip Galea Farrugia għall-Prosekuzzjoni, qal li m'għandhom l-ebda oġġezzjoni li l-Qorti tkompli tisma' l-każ.  Fisser li kondoljanzi ma jfissrux li tkellmet mal-qraba dwar il-każ. Semma wkoll kif Peter Caruana Galizia, l-armel tal-vittma hu avukat, u li għaldaqstant kulħadd tah il-kondoljanzi.
9.40 Il-Maġistrat esprimiet ix-xewqa li tagħmel dikjarazzjoni qabel tibda tisma’ x-xhieda, minkejja li ma kinitx obbligata tagħmilha. Stqarret li kienet l-iskola ma' waħda mill-aħwa ta’ Daphne Caruana Galizia u li mill-1983 il-kuntatt bejniethom kien wieħed sporadiku. Spjegat li kienu biss jawguraw lil xulxin Happy Birthday. Qalet li fl-aħħar xhur, it-tnejn li huma tilfu membru mill-familja tagħhom fl-istess ġranet u skambjaw ukoll kondoljanzi lil xulxin.
9:36 Il-Maġistrat staqsiet lill-akkużati jekk iridux avukat kull wieħed. Huma aċċettaw, u għaldaqstant minbarra l-avukat tagħhom – Dr Benjamin Valenzia, inħatru żewġ avukati oħra. Dr Martin Fenech jinħatar avukat tal-għajnuna legali għal Vince Muscat, filwaqt li Dr Fransina Abela avukat għal Alfred Degiorgio.
9:32 Il-Maġistrat bdiet b'messaġġ lill-akkużati, fejn issuġġeriet li jkollhom avukat kull wieħed, u mhux avukat wieħed għat-tlieta li huma. Spjegatilhom li f’dawn il-proċeduri ta’ kumpilazzjoni, il-Qorti tisma’ dak li l-Prosekuzzjoni tindika bħala xhieda. Fissret li mbagħad kollox jgħaddi għand l-Avukat Ġenerali, biex tibda l-kawża proprja permezz ta’ ġuri. "Bħalissa qiskom qegħdin fil-waiting area", kompliet tgħid il-Maġistrat.
9:31 Jidħlu l-akkużati fl-awla
9:20 Tasal il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech
9:04 Bħalissa quddiem Awla 14 tal-Qorti Kriminali, qed jistennew ġurnalisti u membri tal-familja Caruana Galizia nkluż l-armel tal-ġurnalista Peter Caruana Galizia u ommha.

8:50 It-tliet akkużati twasslu l-Belt Valletta mill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin bi skorta ta' pulizija armati. Iddaħħlu fil-bini tal-Qorti min-naħa ta' wara.
Dalgħodu bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta' Alfred Degiorgio (il-Fulu), George Degiorgio (iċ-Ċiniż) u Vince Muscat (Il-Koħħu), li qed jiġu akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-każ qed jinstema' quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech u beda ftit wara d-9am. 
It-tliet akkużati, li minn analiżi li għamel Newsbook.com.mt irriżulta li Caruana Galizia qatt ma kitbet dwarhom, qed jiġu mixlija b'omiċidju. Qed jiġu mixlija wkoll li organizzaw jew iffinanzjaw għaqda bil-ħsieb li jwettqu reat kriminali u li pparteċipaw b'mod attiv fl-attivitajiet kriminali tal-għaqda; li assoċjaw ruħhom ma' xi persuna jew persuni Maltin jew barranin bil-għan li jwettqu delitt; kif ukoll li użaw splussiv biex joqtlu lil Caruana Galizia. 
Huma ġew arrestati, flimkien ma' seba' persuni oħra, waqt operazzjoni mill-Pulizija, il-Forzi Armati u s-Servizzi Sigrieti. Is-7 akkużati l-oħra ngħataw il-ħelsien mill-arrest.