Assassinju Daphne: L-espert tal-IT se jitħalla jixhed fil-Qorti llum

Jesmond Vassallo

L-Imħallef Toni Abela lbieraħ irrifjuta li jeżerċita l-poteri kostituzzjonali tiegħu biex jipprevjeni xhud milli jixhed fil-Qorti mill-irġiel akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

George u Alfred Degiorgio, flimkien ma’ Vince Muscat qed jidhru fil-Qorti akkużati bl-assassinju ta’ Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Illum mistennija tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-Qorti fejn issa ġiet ikkonfermata li l-espert tal-IT appuntat mill-Qorti, Dr Martin Bajada se jkun jista’ jixhed dwar il-każ.

Intant, l-akkużati ma jridux lil Bajada jixhed, hekk kif din mhix l-ewwel darba li ppruvaw jipprotestawha. L-aħħar attentat biex iwaqqfu l-ippreżentar ta’ din ix-xhieda seħħ b’appell ieħor sottomess jumejn ilu fejn sostnew li jekk jixhed Bajada kien se jinkisrilhom id-dritt tagħhom għal smigħ ġust. 

L-avukat rappreżentant tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sostniet li dan kien id-disa’ każ dwar l-istess kumpilazzjoni ta’ evidenza. Insistiet li huwa kollu abbuż tal-Kostituzzjoni. Intant l-avukat tad-difiża argumenta li jekk Bajada jixhed illum, mela jkun hemm attentat ċar ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem hekk kif hemm smigħ skedat għat-8 ta’ April sabiex ma jitħalliex jixhed.

Segwu Newsbook.com.mt għal aġġornamenti LIVE waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda llum.