Assassinju Daphne: “L-arresti huma biss il-bidu tal-investigazzjoni” – Di Pietro

L-eksmaġistrat kontra l-korruzzjoni, Antonio di Pietro qal li l-arresti fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia huma biss il-bidu tal-investigazzjoni u li għad hemm ħafna xi jsir u xi jkun spjegat.
F’intervista esklussiva waqt il-programm Newsline fuq RTK, di Pietro, magħruf għall-ħidma kontra l-korruzzjoni f’Italja bl-isem ta’ Mani Pulite, qal li l-persuna li għafset il-buttuna li wasslet għall-isplużjoni, hija l-aħħar persuna f’katina ta’ nies li jkun hemm bżonn biex jitwettaq reat bħalma kien l-assassinju ta’ Caruana Galizia.
“Biex issir ġustizzja jrid jinqabad min bagħathom”
Kien għalhekk li saħaq li biex issir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia, il-familja tagħha u l-poplu kollu kemm hu, għandu jinqabad kull min b’xi mod jew ieħor għen u kellu sehem f’dan l-assassinju.
Tkellem mill-esperjenza tiegħu ta’ Maġistrat u każijiet ta’ kriminalità organizzata li ġew quddiemu u qal li t-tliet persuni li tressqu l-Qorti, nhar it-Tlieta li għadda, ma kellhom l-ebda interess dirett li jwettqu l-assassinju u għalhekk l-investigazzjoni trid issa tiffoka fuq min bagħathom.
Minn analiżi li wettaq Newsbook.com.mt, irriżulta li Daphne Caruana Galizia qatt ma kitbet fuq it-tliet persuni akkużati li wettqu l-assassinju u mill-10 persuni li ġew arrestati nhar it-Tnejn li għadda, kitbet biss fuq persuna waħda, f’artiklu wieħed.
“L-investigaturi jridu jinfiltraw fil-mentalità ta’ min wettaq ir-reat”
Kien propju għalhekk li Antonio di Pietro ddeskrivihom bħala kriminali professjonali, għax iwettqu r-reat mhux għal skop, imma għall-ħlas li se jirċievu.
Għalhekk insista li l-pass li jmiss għall-investigaturi huwa li jinfiltraw fil-mentalità ta’ min wettaq ir-reat u jifhmu l-organizzazzjoni li qabdithom.
“Jeħtieġ jinstab l-akkużat li lest ‘jindem’”
Spjega li l-investigazzjoni trid issib lil dak l-akkużat li lest ‘jindem’ għax jifhem li hu se jispiċċa jieħu kastig sproporzjonat mentri l-moħħ wara r-reat jeħlisha qisu xejn mhux xejn.
Iżda qal li biex dan iseħħ irid ikun hemm soluzzjonijiet differenti, kif hemm fl-Italja, li jinċentivaw akkużati biex jikxfu lil min bagħathom. Fost dawn semma l-bidla tal-identità tal-persuna u anke fejn joqgħod, apparti l-protezzjoni totali lill-familja tiegħu.
“L-eżekuzzjoni tal-ġustizzja għandha tkun trasparenti
Temm b’appell biex l-eżekuzzjoni tal-ġustizzja tkun waħda trasparenti u ma jiġrix bħalma ġieli ġara fl-Italja fejn pulizija, jew saħansitra persuni fil-ġudikatura, qagħdu lura għax beżgħu.
Antonio di Pietro kien il-kelliem ewlieni tal-protesta li saret il-Ħadd li għadda organizzata min-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili. Aqra hawn dak li qal di Pietro.