Assassinju Daphne: L-armel stenna li jitwaqqgħu l-libelli

Peter Caruana Galizia, l-armel tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qal fil-Qorti li hu kien qed jistenna li l-każijiet ta’ libelli jitwaqqgħu wara mewta.
Hekk kif tela’ jixhed fil-Qorti, f’wieħed mill-każijiet ta’ libelli li kienu nfetħu kontra Daphne, ir-raġel tagħha staqsa kif mhux biżżejjed li din inqatlet u staqsa wkoll jekk wara mewta għadhomx qed ifittxu għall-flus.
Fl-awla fil-Qorti kien hemm preżenti għadd ta’ persuni fosthom il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri.
Meta mistoqsi mill-avukat li qed jassisti lill-Ministru Mizzi dwar jekk hux se jkompli bil-każ jew jagħmilx apoloġija u jitlob biex jitwaqqgħu l-każijiet, Caruana Galizia fil-pront wieġeb biex l-avukat ma jpoġġilux kliem f’ħalqu.
Caruana Galizia saħaq li ma marx fil-Qorti jittallab u għalhekk iddikjara li se jkompli bil-każijiet min-naħa tiegħu.
F’battibekk bejn l-avukati, l-avukat tal-Ministru Mizzi staqsa biex Caruana Galizia jipprovdi provi li ġew trasferiti flus ġol-kont tal-Ministru Mizzi. Kien hawnhekk li l-avukat ta’ Caruana Galizia qal li l-provi se jiġu ppreżentati fil-ħin opportun.
Il-każ ikompli f’Ġunju.
Ritratt: Arkivji