Assassinju Daphne: L-aktar missjoni diffiċli tiegħi – Omtzigt

Read in English.

Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropea dwar l-assassinju tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia Pieter Omtzigt qal li l-missjoni tiegħu biex jinvestiga l-każ kienet l-aktar waħda diffiċli tiegħu.

Omtzigt qal dan f’intervista ma’ Trouw.nl.

Pieter Omtzigt qal li dejjem kien involut f’investigazzjonijiet diffiċli imma li l-livell ta’ oppożizzjoni li affaċċja f’Malta kien wieħed bla precedent. Qal li f’ċertu sens kienet l-aktar missjoni diffiċli tiegħu. Però meta ntalab jinvestiga l-qtil ħass li ma setax jgħid le.

Spjega li meta kien Malta biex jiltaqa’ man-nies kien dejjem taħt superviżjoni mill-Pulizija. Qal li dan jiddetermina l-atmosfera.

Spjega li l-paġna tal-Wikipedia tiegħu nbidlet f’Ottubru minn IP address li kienet ġejja minn Ministeru f’Malta b’allegazzjonijiet foloz.

Żied jgħid li d-delegazjoni Maltija fil-Kunsill Ewropew kellha approċċ ostili ħafna. Qal li rċieva mozzjoni ta’ sfiduċja u li ġew sottomessi emendi għar-rapporti tiegħu.

Insista li l-mandat tiegħu m’għandux ikun limitat għall-qtil. Investiga wkoll ir-rispett lejn il-liġi f’Malta (rule of law). Ikkonkluda li l-prim ministru għandu wisq poter għax huwa responsabbli għall-ħatriet tal-karigi important kollha.

Mistoqsi dwar jekk iħossux mhedded, Omtzigt qal li din hija parti iebsa mill-politika internazzjonali.

Omtzigt fakkar kif il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri deheru fl-iskandlu tal-Panama Papers. Fakkar ukoll li Muscat ma keċċihomx – bil-kontra ta’ kif sar f’pajjiżi oħra. Omtzigt żied jgħid li meta ra dan, induna li kien hemm xi ħaġa ħażina ħafna.

Omtzigt qal li l-missjoni mhix lesta. Qal li għad hemm sfidi bħall-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ rispett lejn il-liġijiet.

Omtzigt esprima wkoll tħassib dwar l-iskema tal-bejgħ ta’ passaporti f’Malta. Qal li hemm biża’ li qed jinħaslu flus kriminali f’banek Ewropej.

Pieter Omtzigt li tqabbad mill-Kunsill tal-Ewropa biex jirrapporta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia qal li l-impatt tax-xogħol tagħha jibqa’ jivvibra f’Malta u lill’hinn.

Meta kien qed jieħu sehem fil-kommemorazzjoni f’għeluq is-sentejn mill-assassinju ta’ Caruana Galizia, Omtzigt qal li r-reputazzjoni internazzjonali tagħha ta’ ġurnalist investigattiva bla biża’ kibret iktar. 

Huwa qal li l-legat tagħha għadu ma ġietx assigurat f’Malta iżda jista’ jitkejjel mill-verità u l-ġustizzja jekk il-qattiela tagħha u dawk li ordnaw il-qtil tagħha jiġu kkundannati. B’hekk tintemm l-impunità għall-korruzzjoni u tintemm l-klima ta’ biża’ għall-ġurnalisti.