Assassinju Daphne: L-akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża

It-tliet irġiel li qed jiġu akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tpoġġew taħt att ta’ akkuża u b’hekk se jkunu qed jgħaddu ġuri.

Alfred Degiorgio, George Degiorgio u Vince Muscat ġew arrestati f’Diċembru tal-2017 akkużati bil-qtil tal-ġurnalista. Il-ġurnalista nqatlet b’karozza bomba ftit metri ‘l bogħod minn darha fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

L-irġiel ilhom taħt arrest għall-aħħar 19-il xahar, propju minn Diċembru tal-2017. Huma tressqu quddiem il-Qorti bosta drabi fejn il-prosekuzzjoni ppreżentat evidenza fil-konfront tagħhom.

Att t’akkuża huwa dokument legali li jakkuża persuni speċifiċi b’att kriminali. Is-suspettati jkunu jridu jiġu preżentati b’dan fi żmien 20 xahar minn meta jkunu ġew akkużati. Jekk dan ma jsirx mela bil-liġi dawn ikunu jridu jingħataw il-ħelsien mill-arrest.

It-Tnejn, l-avukat Arthur Azzopardi li issa qed jirrappreżenta lil Vince Muscat argumenta fil-Qorti għaliex il-klijent tiegħu għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit irrifjutat din it-talba aktar tard matul il-jum.