Assassinju Daphne: Biżżejjed provi biex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit iddikjarat li hemm biżżejjed evidenza biex it-tliet akkużati, fil-każ tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, jitpoġġew taħt att ta' akkuża.
Dan ifisser li issa l-ballun jinsab f'saqajn l-Avukat Ġenerali li minn għada jista' jiddikjara li l-akkużati jinsabu taħt att ta' akkuża.
Jekk dan iseħħ, minflok tkompli l-kumpilazzjoni ta' evidenza, ikun jista' jibda l-ġuri.
F'każ li dan ma jseħħx, il-kumpilazzjoni tkompli fl-1 ta' Frar 2018.
Aqra hawn taħt li seħħ dalgħodu:

10:56: Il-kawża diferita għall-1 ta' Frar iżda l-Maġistrat iddikjarat li hemm biżżejjed provi biex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta' akkuża. Jekk l-Avukat Ġenerali jpoġġi lill-akkużati taħt att ta' akkuża (jista' jagħmel dan minn għada), minflok tkompli l-kumpilazzjoni (fl-1 ta' Frar), jkun jista' jibda l-ġuri f'data oħra stabbilita.
10:55: L-Ispettur Arnoud jippreżenta fil-Qorti CD bil-call logs taż-żewġ akkużati. Id-Deputat Avukat Ġenerali jgħid li f'dan l-istadju, il-prosekuzzjoni ma għandha l-ebda evidenza x'tippreżenta.
10:50: L-istess Uffiċjal tal-Pulizija, wkoll stazjonat is-CID kien imqabbad imur il-Belt u minn taħt il-monument tal-qanpiena, fit-23 ta' Novembru, ġibed filmat tad-dgħajsa Maya ta' George Degiorgio. (Fl-aħħar jumejn din id-dgħajsa ssemmiet ħafna u ntqal li dehret ħierġa mill-port u tidħol lura wara l-assassinju. Ġie stabbilit li l-bomba kienet attivata minn fuq il-baħar). Hu qal li għaraf lil George Degiorgio li kien qed isuq id-dgħajsa. Id-difiża tqajjem dubju li minn distanza daqshekk 'il bogħod seta' jagħraf lil akkużat. Il-Pulizija qal li seta' jarah ċar u  li wara tnax-il sena servizz kien jaf lil George Degiorgio. Dan il-filmat ġie ppreżentat fil-Qorti. 
10:44: Saviour Scerri jagħti dettall tal-affarijiet elevati. Fost affarijiet oħra mill-Marsa ġew elevati notebook u mazz ċvievet. Ġiet kkonfiskata wkoll Mercedes ta' Alfred Degiorgio. Minnha ġew elevati pendrive, internet key u xi dokumenti. Saret tfittxija wkoll fir-residenza ta' Alfred Degiorgio. Minnha ġew elevati top-up card ta' €5 u somma ta' ftit aktar minn €4,000 moħbija wara inkwatru. Mill-vettura ta' Vince Muscat ma kien hemm xejn li seta' jiġi elevat. Minn dik ta' George Degiorgio ġew elevati wkoll USB-sticks u wi-fi router.
10:36: Ikomplu jixhdu aktar pulizija tas-CID.  Saviour Scerri jgħid li kien akkumpanja lill-investigaturi tal-FBI għal postijiet ta' interess posthom is-cell towers. Minn fuq il-post fejn kien qed ikun hemm karozza bajda "b'persuna suspettuża fiha" kienu ġew elevati xi affarijiet. Jispjega wkoll kif inġabru filmati tas-CCTV mill-Bidnija.
10:27am: Dakinhar tar-rejd innutaw raġel li malli lemaħ il-Forzi tal-Ordni għalaq jiġri bieb ta' garaxx. Dan ġie arrestat u ntalab jiftaħ il-garaxx. Fih ma nstab xejn u għalhekk ġie rrilaxxat ftit tal-ħin wara.
10:26am: L–Uffiċjal tal-Pulizija Josef Gerada qal li l-Pulizija tkellmu wkoll ma' bdiewa u kaċċaturi iżda ma kellhom l-ebda informazzjoni li setgħet tgħin.
10:21am: Is-Surġent jgħid li dakinhar tar-rejd fil-Marsa, it-tliet akkużati kienu preżenti fl-istess post, fil-maħżen viċin it-tinda tal-patata.
10:21am: Is-Surġent qal li tkellem ma' iben Daphne Caruana Galizia u rrakkuntalu x'għamlu fl-aħħar sigħat li nqatlet Daphne. Inġabru wkoll xi filmati minn CCTVs fl-inħawi tal-Exiles  fejn ipparkja l-karozza Matthew Caruana Galizia (l-istess karozza li kienet issuq Daphne).
10:19am: Jibda jixhed is-Surġent Bradey Zammit li dakinhar tal-assassinju kien qiegħed jakkumpanja lill-Ispettur Kurt Zahra. Beda jispjega dak li sab fuq il-post tal-assassinju. Dakinhar kien ħa d-dettalji tar-raġel li kien viċin il-post u li kellu xi jgħid ma' iben il-vittma, Matthew Caruana Galizia.
10:13am: L-akkużati jidħlu fl-awla. Tidħol ukoll il-Maġistrat. 
Xi ntqal fl-aħħar jiem?
Ftit wara l-għaxra, quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit kompliet il-kumpilazzjoni fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
It-tliet akkużati huma  Alfred Degiorgio “il-Fulu,” George Degiorgio “iċ-Ċiniż” u Vince Muscat, “il-Koħħu.”
Fl-aħħar jumejn, l-Ispettur Keith Arnaud qatta’ total ta’ erba’ sigħat jippreżenta l-provi li għandha l-Pulizija.
Ilbieraħ ukoll, Peter Caruana Galizia, ġie mistoqsi dwar il-jiem li wasslu għall-assassinju ta' martu.
Dawn huma xi punti li ħarġu sa issa mill-kumpilazzjoni:

  • Żewġ linji tat-telefowns kienu ċ-ċavetta li waslu għall-arrest tat-tliet akkużati
  • Kommunikazzjoni bejn dawn iż-żewġ mowbajls waslet għall-isplużjoni
  • Waħda mil-linji inxtegħlet fil-Bidnija fis-2am tas-16 ta’ Ottubru u baqgħet statika sal-ħin tal-isplużjoni
  • Karozza bajda dehret fl-inħawi tal-Tarġa Battery, dakinhar tal-assassinju u fil-ġimgħat ta’ qabel
  • Minn din iż-żona, wieħed jara faċilment ir-residenza tal-ġurnalista u t-triq tal-Bidnija
  • F’dawn l-inħawi nstab sigarett “frisk.” Studji forensiċi sabu li l-loqma tas-sigarett taqbel mad-DNA ta’ Alfred Degiorgio
  • Min attiva l-bomba kien fuq il-baħar
  • George Degiorgio, ftit wara l-isplużjoni, jgħid li qabad żewġ ħutiet kbar
  • Minn kameras tas-sigurtà, id-dgħajsa tidher ħierġa filgħodu u tidħol lura fil-Port il-Kbir ftit wara l-assassinju
  • Il-mowbajls tal-akkużati kienu fil-Bidnija fil-jiem ta’ qabel l-assassinju
  • Il-movimenti tal-mowbajls li nxtraw għall-assassinju jaqblu ma' dawk tal-mowbajls personali tal-akkużati
  • Il-bomba tpoġġiet taħt is-seat tax-xufier
  • Raġel li ra l-isplużjoni jgħid li kien hemm żewġ splużjonijiet. Wara l-ewwel waħda ra mara fil-karozza fi stat panikuż

Matul il-ġurnata, Newsbook.com.mt se jinfurmakom minuta b'minuta xi jkun qed jiġri.
Agħfas hawn u hawn biex taqra fid-dettall dak li ħareġ fl-aħħar jumejn.