Assassinju Daphne: L-aħwa Degiorgio jitolbu li jiġu esebiti r-recordings tat-telefonati

Read in English.

L-aħwa Degiorgio li huma tnejn mit-tliet akkużati tal-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galiza ppreżentaw protest ġudizzjarju quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, li fih qed jitolbu li jiġu ppreżentati l-interċettazzjonijiet li bihom inqabdu.

L-aħwa George u Alfred Degiorgio, flimkien ma’ Vince Muscat qed jiġu akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Fil-protest ġudizzjarju li tressaq huma qed jitolbu li l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kap tas-Servizzi Sigrieti jesebixxu kopja tar-recordings tat-telefonati li ġew interċettati mis-servizzi sigrieti kif ukoll il-mandat li nħareġ biex tali telefonati jiġu interċettati mill-Pulizija u li waslu għall-arrest tagħhom.

L-avukat William Cuschieri li qed jidher għaż-żewġt aħwa sostna li jekk ma jsirx dan allura dan jaf ifisser li jew ma jeżistux jew inkella saru b’mod illegali.

Fil-protest ġudizzjarju l-avukat Cuschieri sostna li minkejja li l-kumpilazzjoni ngħalqet, u li huma tpoġġew taħt att tal-akkuża fil-konfront tal-aħwa Degiorgio u Muscat, dawn ir-recordings ma ġewx ippreżentati lill-Qorti.

AQRA: Assassinju Daphne: L-akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża

Fost it-telefonati li ġew interċettati hemm allegatament George Degiorgio jitlob li terza persuna jagħmillu top up tal-mobile li ntuża minn mowbajl ieħor.

AQRA: “Iftaħ flixkun inbid” – SMS tal-akkużat bil-qtil ta’ Daphne

Kien ħareġ li Degiorgio kien fuq dgħajsa meta nduna li ma fadallux flus, kien hawnhekk li huwa kien uża mowbajl ieħor biex iċempel lil ħabib f’kumpanija tat-telefonija biex titfagħlu €5 fil-mowbajl l-ieħor li kien se juża biex jiskatta l-isplussiv.

Cuschieri sostna li l-Ispettur Prosekuttur Keith Arnaud kien xehed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza u kien “ikkrea ħafna sensazzjonaliżmu fil-midja.”

Fil-protest ġudizzjarju Cuschieri sostna li skont sentenzi diġà mogħtija mill-istess qorti fil-passat interċettazzjonijiet ta’ telefonati ma jridux biss jiġu preżentati x-xhieda u t-transkrizzjonijiet tat-telefonati iżda jridu jiġu ppreżentati wkoll il-mandat li bih ġew awtorizzati.

Cuschieri saħaq li minħabba li ma ġewx esebiti jista’ jfisser li mhux vera saru, li jekk saru saru b’mod illegali mingħajr mandat, jekk saru b’mod illegali ma sarux b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista għax dan kien għadu ma seħħx u għaldaqstant ma jistgħux jiġu ntużati bħala evidenza f’dal-każ. Żied jgħid ukoll li jekk li jekk saru b’mod illegali dawn ngħataw b’mod illegali lill-Kummissarju tal-Pulizija filwaqt li fl-aħħar punt sostna li jekk l-interċettazzjonijiet verament jeżistu, kien hemm interess illi tiġi żvelata b’mod għal kollox illegali u arbitrarju parti żgħira u selettiva biss u jinżamm mistur il-kontenut sħiħ ta’ talli interċettazjonijiet li allegatament kienu qegħdin isiru fuq it-telefonati illi kien qed jagħmel George Degiorgio.

L-avukat f’isem l-aħwa Degiorgio talab biex fi żmien 24 siegħa jiġu ppreżentati r-recordings u t-transkrizzjonijiet rlevanti flimkien mal-mandati relevanti għal dawn ir-recordings. Huwa talab lill-Qorti li f’każ ma jsirx dan, il-Qorti għandha tirrikonoxxi li m’hemm l-ebda evidenza legali rigward l-interċettazzjonijiet, u għalhekk għandhom ikunu kkumpensati tal-ħsara.

Aqra iktar:

L-Imħallef Aaron Bugeja fdat bil-ġuri tal-qtil ta’ Daphne

Il-Qorti tirrifjuta t-talba tal-aħwa Degiorgio biex jiltaqgħu ma’ Casa u Gomes

L-aħwa Degiorgio jerġgħu ma jingħatawx il-ħelsien mill-arrest

The Daphne Project: X’kien jgħid il-messaġġ li qatilha?