Assassinju Daphne: Rapporti li l-messaġġ fatali ntbagħat minn fuq cabin cruiser

Hekk kif ilbieraħ tressqu l-Qorti tard billejl tlieta mill-10 persuni li nqabdu nhar it-Tnejn b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, informazzjoni ġdida dwar il-qtil brutali qed toħroġ fil-beraħ.
Ir-rapporti l-aktar riċenti qed jgħidu li kien George Degiorgio, "Iċ-Ċiniż", li bagħat il-messaġġ fatali li skatta l-bomba taħt is-sit tal-ġurnalista.
Il-Malta Today qed tgħid li l-akkużat bagħat il-messaġġ mill-cabin cruiser tiegħu, wara li ħuh, Alfred "il-Fulu", infurmah li Daphne tinsab fil-karozza, wara li dan tal-aħħar kien fl-akwati tal-Bidnija attent għaliha.
L-istess cabin cruiser li minnu ntbagħat il-messaġġ, tirrapporta l-Malta Today, kien trakkat qrib il-post fil-Marsa fejn nhar it-Tnejn iż-żewġt aħwa nqabdu.
Jidher li mal-bomba kien hemm apparat elettroniku li jieħu sim card, mhux mowbajl, li b'hekk seta' jirċievi l-SMS li allagatament bagħat "iċ-Ċiniż" u li sploda l-bomba.
Għadu mhux magħruf jekk il-mowbajls u l-apparati elettroniċi l-oħra li nstabu fl-akwati tal-Marsa fejn inqabdu l-irġiel humiex l-istess li intużaw fid-delitt.
Sadanittant, jidher li hemm qbil fil-midja lokali li l-isplussiv li intuża fil-bomba kien effettivament TNT, u mhux Semtex, il-materjal li ssemma ħafna ftit wara l-qtil, u li kien maħsub li intuża biex saret il-bomba.
Kemm it-TVM kif ukoll il-Malta Today u l-Malta Independent irrappurtaw li l-materjal użat kien it-TNT.
Tat-tieni rrapporta li mhuwiex eskluż li l-bomba nħadmet Malta stess.
Aktarx ukoll li l-bomba ġiet attivata b’SMS u mhux b’telefonata, u skont it-TVM, it-tlitt irġiel ħadmu b’dal-mod biex skattaw l-isplussiv: wieħed qagħad attent biex jilmaħ lil Daphne ħierġa u dieħla fil-karozza, imbagħad ikkuntattja lit-tieni raġel biex jinfurmah. Jidher imbagħad li t-tieni raġel informa lit-tielet wieħed li xogħlu kien li jibgħat il-messaġġ fatali li bih skattat il-bomba.
One News qed jgħidu li l-persuna li bagħtet l-SMS aktarx kienet f’post differenti mill-Bidnija, minn fejn kienu ż-żewġt irġiel l-oħra.
Informazzjoni simili ġiet irrappurtata wkoll mill-ġurnalo Taljan, La Repubblica, li nnota wkoll li kienet kruċjali ħafna biex seħħew l-arresti evidenza forensika analizzata mill-FBI.
Nhar it-Tnejn 10 irġiel ġew arrestati f’operazzjoni intensiva mill-Pulizija, mill-Forzi Armati ta’ Malta u mis-Servizzi Sigrieti.
Sadanittant, is-7 arrestati l-oħra ngħataw il-libertà proviżorja, li jfisser li t-tliet arrestati li ttellgħu l-Qorti, l-aħwa Alfred u George Degiorgio, nagħrufin bħala “il-Fulu” u “ċ-Ċiniż” rispettivamnt, u Vince Muscat magħruf bħala “l-Koħħu” huma t-tliet suspettati ewlenin fil-każ.
Ara minn hawnhekk min huma dawn l-irġiel, u xi storja għandhom mal-liġi.
Ritratt: Ian Noel Pace