Assassinju Daphne: L-aħħar żviluppi fil-ġurnali

Il-ġurnali tal-lum iffukaw mill-ġdid dwar l-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Maħfra Presidenzjali?
It-Times of Malta dalgħodu rrappurtat dwar kif l-awtoritajiet qed jiddiskutu l-possibbiltà li t-tliet akkużati, l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat, jingħataw maħfra Presidenzjali jekk jagħżlu li jiżvelaw dak kollu li jafu. Madanakollu, sorsi qrib l-investigazzjoni li tkellmu mal-istess ġurnal stqarrew li s’issa t-tliet irġiel ma qalux kelma mal-Pulizija.
Qalu wkoll li ma tantx għandhom tama li se jkunu ta' għajnuna. 
Wieħed mill-akkużati b'Corvette u ma jaħdimx
Is-sit tal-aħbarijiet Malta Today ippubblika ritratt ta' Corvette li qarib ta' wieħed mill-akkużati tella’ fuq Facebook sena ilu. Dan qajjem tħassib f’bosta persuni dwar kif l-awtoritajiet qatt ma investigaw il-fatt li dawn il-persuni kellhom daqshekk flus biex jixtru karozza ta’ dan it-tip, meta ma kellhomx xogħol. 
Persuna li taħdem fl-inħawi qalet mal-ġurnal, li kull nhar ta' Sibt kien jara karozzi lussużi deħlin fil-maħżen fejn saru l-arresti. 
Espert forensiku dwar l-użu tat-TNT fil-bomba li qatlitha
L-espert forensiku Anthony Abela Medici kien tkellem waqt Follow Up fuq RTK, dwar l-implikazzjonijiet tal-użu tal-isplussiv magħruf bħala TNT, minflok l-isplussiv magħruf bħala semtex fil-bomba li qatlet lill-ġurnalista. Abela Medici qal li s-semtex jieħu inqas spazju mit-TNT u forsi kien għalhekk li kien hemm min ħaseb li ntuża dan l-isplussiv.
Ritratt: Ian Noel Pace