Assassinju Daphne: L-aħwa Degiorgio u l-Koħħu dalwaqt għall-Qorti

Sorsi qrib il-Pulizija qalu ma' Newsbook.com.mt li llejla se jittresqu l-Qorti wħud mill-10 arrestati dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Newsbook.com.mt hu infurmat li s-supettati mistennija jitressqu għall-ħabta tas-6pm. 
Madanakollu, kelliem għall-Pulizija reġa' qal ma' Newsbook.com.mt li għad m'għandhom l-ebda informazzjoni, dwar jekk l-aħwa Degiorgio jew suspettati oħra hux se jitressqu l-Qorti llum. Aktar kmieni l-istess kelliem qal li kwalunkwe informazzjoni se tkun ikkomunikata lill-midja.
L-ismijiet tal-aħwa Degiorgio, li huma magħrufa sew mal-Pulizija, komplew jiddominaw l-aħbarijiet, minkejja li hemm tmien persuni oħra arrestati. 
“Evidenza”
Rapport fuq it-Times of Malta jgħid li l-Pulizija għandha f’idha evidenza minn sistema ta’ telekomunikazzjoni li tista’ torbot lil Alfred u George Degiorgio mal-assassinju ta’ Caruana Galizia f’Ottubru li għadda.
Ir-rapport jgħid li sorsi qalu li “l-evidenza hi b’saħħitha ħafna” u li l-informazzjoni tinkludi l-jiem ta’ qabel u wara li seħħ id-delitt, u anke dakinhar li ġiet assassinata Caruana Galizia.
Skont l-istess ġurnal, l-evidenza tinkludi wkoll dak magħruf bħala traingulation. Din tagħti lill-investigaturi informazzjoni preċiża, fosthom il-post u l-ħin li fih saret telefonata.
Jista’ jagħti l-każ li waħda minn dawn it-telefonati kienet dik li wasslet għall-isplużjoni tal-bomba fil-karozza tal-ġurnalista Caruana Galizia.
“Għall-Qorti fil-ħin li ġej”
Intant, il-ġurnal l-Orizzont qed jgħid li jinsab infurmat li l-aħwa Degiorgio, magħrufa bħala “il-fulu” u “ċ-ċiniż,” mistennija jitressqu l-Qorti fil-ħin li ġej.
Kien il-Prim Ministru li f'konferenza tal-aħbarijiet li ssejħet b'urġenza lbieraħ, ħabbar l-arrest ta' tmien persuni.  Aktar tard fuq Twitter żvela li kienu ġew arrestati żewġ persuni oħra.
L-operazzjoni tmexxiet mill-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta fl-inħawi magħrufa bħala Ras il-Ħanżir fil-Marsa, iżda saru wkoll operazzjonijiet simili f’Buġibba u Ħaż-Żebbuġ.
Fl-ewwel reazzjoni, il-familja qalet li saret taf bl-arresti minn fuq il-midja soċjali u kkritikat li l-ewwel prijorità tal-Pulizija ma kinitx li  tinforma lill-familja.
Tista' żżomm ruħek aġġornat billi tniżżel b'xejn l-app ta' Newsbook.com.mt minn hawn jew hawn.