Assassinju Daphne: L-AĠ b’akkuża li s-suspettati qed jilagħbu mal-liġi

L-Avukat Ġenerali akkuża lill-avukati difensuri tat-tliet suspettati fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li qed jilgħabu mal-liġi wara li ppreżentaw proċedimenti ġodda għall-ħelsien mill-arrest tal-klijenti tagħhom quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.

Il-ġimgħa li għaddiet il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti ma laqgħatx talba simili li George Degiorgio, iċ-Ċiniż; Alfred Degiorgio, il-Fulu u Vince Muscat, il-Koħħu jinħelsu mill-arrest peress li l-Qorti taħseb li dawn ma kienux se josservaw il-kundizzjonijiet assoċjati mal-ħelsien mill-arrest.

Id-difiża spjegat li ma ġiet preżentata l-ebda evidenza li t-tliet irġiel ma kienux se jirrispettaw dawn il-kundizzjonijiet u qalet li minn meta kienu arrestati l-proċess mexa b’rittmu mgħaġġel u l-qorti semgħet ix-xhieda ta’ ‘l fuq minn 100 persuna.

Id-difiża semmiet ukoll il-fatt li l-unika evidenza mressqa mill-prosekuzzjoni kienet dik relatata mat-teknoloġija u matul il-kumpilazzjoni l-prosekuzzjoni ressqet ftit xhieda li ma humiex esperti jew uffiċjali pubbliċi li ddeskrivew l-indħil tagħhom fl-investigazzjoni u x’instab fix-xena tad-delitt. Id-difiża semmiet ukoll il-fatt li l-liġi tippermetti li titressaq applikazzjoni fi żmien 24 siegħa.

Id-difiża rreferiet ukoll għall-ġudizzju tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) li jistipula li s-severità tal-krimini ma tiġġustifikax perjodu itwal ta’ detenzjoni.

Id-difiża semmiet ukoll il-fatt li fil-passat it-tliet akkużati obdew l-ordni tal-Qorti u l-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest.

L-Avukat Ġenerali tenna li l-inkjesta maġisterjali tal-qtil ta’ Caruana Galizia għadha għaddejja u għad hemm il-possibilità li jkunu akkużati persuni terzi. Fil-kuntest tal-linjigwida tal-ECHR l-Avukat Ġenerali qal li l-ħelsien mill-arrest jista’ jwassal għal protesti.

B’reazzjoni għal possibilità ta’ protesti, id-difiża qalet li dan ma jinsabx fil-kodiċi kriminali u għalhekk ma għandux jitqies.

It-tliet suspettati jistennew is-sentenza tal-Imħallef fil-jiem li ġejjin.