Assassinju Daphne: “Ksur ta’ smigħ xieraq għax il-laptop ma nstabx” – Il-Fulu

Wieħed mill-akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Alfred Degiorgio, qed jinsisti li kien hemm ksur ta’ smigħ xieraq fl-investigazzjonijiet fl-assassinju hekk kif il-laptop tal-ġurnalista għadu ma nstabx.
Dan qalu f’applikazzjoni kostituzzjonali llum, fejn l-avukat ta’ Degiorgio, William Cuschieri qal li l-Pulizija ma kienux qed jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiġbru l-evidenza kollha, inkluż il-laptop.
Fl-applikazzjoni, l-avukat ta’ Degiorgio, magħruf bħala il-Fulu, qal li l-laptop jista’ jkun fih informazzjoni sensittiva dwar terzi parti li jistgħu ikunu responsabbli tal-assassinju.
L-Avukat Ġenerali qed jiġi akkużat ukoll li mhux qed jagħmel minn kollox sabiex jassigura li l-evidenza tinġabar kollha u b’mod sħiħ.
Fost il-punti li qajjem, l-Avukat ta’ Degiorgio sostna li hemm għadd ta’ mistoqsijiet fir-rigward tal-laptop u għamel referenza wkoll għal dak li sostnew li qalet oħt il-ġurnalista assassinata, li l-laptop jinsab għandha, u għad-diskors ta’ iben il-ġurnalista li qal li jekk jiġi fil-pussess tiegħu jaħarqu quddiem il-Pulizija. 
Għal din ir-raġuni, l-applikant talab lill-Qorti biex tiddikjara l-ksur tad-drittijiet umani u biex tordna lil dawk kollha kkonċernati biex jiksbu l-laptop u janalizzawh b’reqqa.
“Martin Bajada mhux postu f’din l-investigazzjoni”
Applikazzjoni oħra apparti qed terġa’ titlob it-tneħħija tal-espert tal-IT appuntat mill-Qorti, Martin Bajada, għax qed isostnu li mhux se jkun qed iħalli post għal smigħ xieraq tal-kawża.
L-argument f’dan il-każ huwa li Bajada, kien instab ħati ta’ serq u frodi fir-Renju Unit lura fl-1993, u għal din ir-raġuni isostnu li ma jistax ikun imparzjali filwaqt li qajjmu mistoqsijiet fuq l-integrità tiegħu.
L-avukat talab lill-Qorti sabiex tiddikjara l-ksur tad-dritt għas-smigħ ġust tal-kawża hekk kif Bajada ħadem id f’id mal-FBI li kienu qed jassistu fl-investigazzjonijiet tal-assassinju, filwaqt li sostnew li jkun agħar jekk dawn l-aġenti tal-FBI jitħallew jixhdu fil-kumpilazzjoni.