Assassinju Daphne: Joseph Muscat iwieġeb dwar maħfra presidenzjali

Ian Noel Pace

Read in English.

Il-Prim Ministru (PM) Joseph Muscat qal li meta tingħata maħfra presidenzjali f’Malta, ġeneralment tkun tfisser li ħadd ma jeħel xejn. Huwa kien qed iwieġeb dwar jekk hux qed tiġi kkunsidrata maħfra presidenzjali għal Vincent Muscat, wieħed mill-akkużati tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-PM la kkonferma u lanqas ċaħad li qed tiġi kkunsidrata maħfra presidenzjali.

Hu kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara żjara fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid.

Il-PM qal li fl-ebda każ partikolari, meta tingħata maħfra presidenzjali, jieħu parir mill-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, stqarr li joqgħod fuq l-esperjenza storika tal-pajjiż, li fost l-oħrajn turi li din twassal biex in-nies ma jingħatawx ħabs, u ħadd ma jeħel xejn.

Dan wara li r-rapporteur għall-Kunsill tal-Ewropa Pieter Omtzigt, ilbieraħ ikkritika lill-Gvern li fi kliemu ma jridx jagħmel ftehim ma’ Vincent Muscat (il-Koħħu). Muscat ġie msemmi f’rapporti oħra li ta xhieda importanti li wasslet għas-suspettat.

Aqra: Aġġornata: Assassinju Daphne: Għaliex ma sarx ftehim bejn Vincent Muscat u l-Gvern? – Omtzigt

Ilbieraħ The Sunday Times of Malta, irrappurtat li qed jingħad li negozjant kbir huwa wieħed fost tliet persuni li qed jiġu suspettati li kienu l-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista. Il-gazzetta kkwotat żewġ sorsi viċin l-investigazzjoni.

Aqra: Assassinju Daphne: Negozjant kbir fost suspettati – rapport

Meta l-PM ġie mistoqsi dwar jekk jafx dettalji dwar il-każ, huwa qal li hu ma jsaqsix għal dettalji. Qal li l-awtoritajiet jinfurmawh jekk iħossu l-bżonn li jkun jaf xi ħaġa. Barra minn hekk, qal li għalkemm jirrispetta l-ġurnaliżmu u l-informazzjoni li tingħata, b’mod ġenerali xtaq jgħaddi kumment, li meta jingħataw dettalji dwar persuni li jistgħu jkunu suspettati, l-uniċi persuni li jgawdu minnha huma s-suspettati stess.

Dr Muscat qal ukoll li għandu fiduċja sħiħa fil-Korp tal-Pulizija.