Assassinju Daphne: “Indunajt li ma kinitx salvat meta lmaħt sieqha fl-għalqa”

Ian Noel Pace

Iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, Matthew, qal li ntebaħ li ommu ma kinitx salvat mill-isplużjoni meta lemaħ sieqha fl-għalqa, huwa u jagħti rendikont ta’ kif ġraw l-affarijiet fis-16 t’Ottubru 2017 fil-Qorti llum.

Illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra t-3 irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u xehed binha Matthew, li kien dak li induna l-ewwel bl-isplużjoni qrib id-dar tal-ġurnalista fil-Bidnija.

Matthew qal li sema’ lil ommu tistartja l-karozza u ddoqq il-mużika, u mbagħad semagħha ssuq. Ftit minuti wara sema’ l-isplużjoni.

Qal li l-ġurnata bdiet normali meta qam fid-9am u ommu għamlitlu l-kafè. Qal li Daphne rċeviet telefonata fis-2pm mingħand l-HSBC dwar appuntament li kellha fuq il-kontijiet bankarji tagħha. Hi telqet mid-dar imma marret lura wara ftit ħin għax kienet nesiet il-ktieb taċ-ċekkijiet.

Matthew qal li nħasad xħin sema’ l-isplużjoni, peress li l-Bidnija huwa post kwiet. Qal li mar jiġri max-xatba u ġera lejn it-triq malli lemaħ id-duħħan. Kompla jgħid li biċċa kbira mit-triq kienet maqbuda bin-nar u kien konfuż għax deher donnu t-triq biss bdiet taqbad u xejn iżjed. Qal li kien hemm biċċiet tal-plastik, biċċiet tal-ħġieġ u anke ġilda. Segwa d-duħħan u lemaħ l-għalqa bil-karozza ġo fiha.

Huwa ma rrealizzax mill-ewwel li kienet l-istess karozza li kienet qed issuq ommu imma nduna meta lemaħ ir-roti u n-numru ta’ reġistrazzjoni. Matthew spjega li pprova jdaħħal idu fil-karozza imma ma setax, u qal li ma kien hemm ħadd ġo fiha, tant kemm kienet sploduta.

Ra mara u tifla fil-viċin u talabhom biex iċemplu lill-Pulizija. Matthew kompla jgħid li ra sieq ommu mal-art f’nofs l-għalqa, u kien hemm li ntebaħ li ommu ma kinitx salvat.

Huwa qal li l-karozza kienet għadha fl-istess post mill-jum ta’ qabel qabel ma saqitha ommu, għax hu kien l-aħħar persuna li saqha l-jum ta’ qabel. Qal li normalment jipparkja l-karozza u jsakkarha u jiftaħ ix-xatba elettronikament. Qal li hu u ommu kienu qegħdin jużaw il-karozza, u użaha missieru xi darba jew tnejn.

Hu u jwieġeb mistoqsija tal-avukat tad-difiża, Martin Fenech, Caruana Galizia qal li lilu ħadd ma kien heddu direttament. Fenech jistaqsi lil iben il-ġurnalista jekk iħossx li kellu jipparkja l-karozza ġewwa, għal liema mistoqsija toġġezzjona l-familja Caruana Galizia.

Meta ġie mistoqsi fuq il-laptop ta’ Daphne li huwa nieqes, Matthew qal li kulma jaf hu li l-laptop ingħata lill-Pulizija Ġermaniża minn rappreżentant tal-familja tagħhom. Il-Prosekuzzjoni toġġezzjona għal mistoqsijiet fuq l-awtoritajiet Ġermaniżi, filwaqt li l-Qorti tgħid lid-Difiża biex ma tistaqsix dwar il-laptop għaliex mhuwiex is-suġġett tal-eżaminazzjoni tas-seduta.

Il-każ għandu jkompli jinstema’ fil-11 ta’ Jannar tal-2019.