Assassinju Daphne: Jista’ jinstab Maġistrat?

Qed iqumu ħafna mistoqsijiet dwar min fl-aħħar mill-aħħar se jkun il-Maġistrat li se jisma’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tliet akkużati mixlija bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Dan wara li nhar il-Ħamis, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech laqgħet it-talba tal-akkużati biex ma tismax il-kumpilazzjoni, minħabba kuntatt limitat li kellha ma’ oħt il-vittma.
Sorsi qrib il-Qorti qalu ma’ Newsbook.com.mt li ma jeskludux li Maġistrat wara ieħor, ikollhom jirrekużaw ruħhom, jiġifieri jirtiraw milli jisimgħu l-każ, minħabba possibilitajiet ta’ talbiet ta’ rikuża min-naħa ta’ xi parti jew oħra.
Dan minkejja li nhar it-Tnejn li ġej huwa ppjanat li tibda tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea. Hija ma telgħetx bil-polza għall-kuntrarju ta' kif il-midja rrappurtat dakinhar, iżda ntgħażlet skont il-proċeduri tal-Qorti mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri.
B’kollox għall-Qrati ta’ Malta u Għawdex hawn 22 Maġistrat, b’Dr Paul Coppini limitat għal Għawdex biss u l-Maġistrati Dr Monica Vella u Dr Gabriella Vella jippresiedu każi ċivili biss.
L-istess sorsi mill-Qorti qalu ma’ Newsbook.com.mt li minkejja li fost il-Maġistrati hemm min diġà qed imexxi inkjesti b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne, jew dwar allegazzjonijiet li ġew żvelati fuq is-sit tagħha, xorta f’każ ta’ ħtieġa, jistgħu jitilgħu jintgħażlu biex imexxu l-kumpilazzjoni.
Fost dawn hemm il-Maġistrat Anthony Vella li qed imexxi l-inkjesta tal-assassinju, il-Maġistrat Francesco Depasquale li għandu każi ta’ libelli fil-konfront tal-ġurnalista, u l-Maġistrati Aaron BugejaNatasha Galea Sciberras u Josette Demicoli li nħatru biex jinvestigaw allegazzjonijiet li kitbet dwarhom il-ġurnalista, fosthom dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama u dawk dwar korruzzjoni u ħasil tal-flus.
Anke l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, li kienet il-Maġistrat tal-Għassa meta seħħ l-assassinju, u li rrikużat ruħha fuq talba tal-familja tal-ġurnalista, tista’ tintgħażel biex tisma’ l-kumpilazzjoni.

Ritratt meħud minn Ian Noel Pace meta splodiet il-karozza fil-Bidnija.

Għaldaqstant f'każ li tinbidel il-Maġistrat Charmaine Galea, l-għażla tkun bejn 17.

L-istess sorsi qalu li s-sitwazzjoni tidher li se tkun diffiċli, u li bilfors irid ikun Maġistrat Malti li jisma’ l-każ. Eskludew ukoll il-possibilità li jkun hemm bord ta’ maġistrati inkella tim ta’ Maġistrat u Imħallef biex jisimgħu l-kumpilazzjoni.
Fil-karriera ġurnalistika tagħha, Daphne Caruana Galizia kitbet dwar diversi persuni distinti, mhux biss politiċi, imma anke membri tal-ġudikatura.
X’kitbet Daphne dwar il-Maġistrat Charmaine Galea?

Ritratt: DOI

Dr Charmaine Galea ssemmiet tliet darbiet fil-blogg ta’ Daphne Caruana Galizia, bejn l-2013 u l-2016.
F’Mejju 2013, il-ġurnalista żvelat li Dr Charmaine Galea se tinħatar Maġistrat, f’artiklu bit-titlu More Malta Tagħna Lkoll appointments – this time to the judiciary. Qalet ukoll li Dr Galea kienet is-sieħba fil-kumpanija legali ta’ Toni Abela, wieħed mid-Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien.
F’Ottubru 2015, Daphne semmietha fost sitt membri ġodda tal-ġudikatura, li sejħitilhom ħatriet politiċi tal-ħbieb tal-ħbieb.
F’Novembru 2016, reġgħet semmietha fost l-14-il imħallef u maġistrat ġdid li nħatru fi tliet snin ta’ Gvern Laburista, u li 10 minnhom, fosthom Dr Galea, “għandhom rabtiet diretti mal-Partit Laburista”.

X’kitbet Daphne dwar il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech?

Ritratt: DOI

Donatella Frendo Dimech, li aċċettat li ma tismax l-inkjesta minħabba li kienet fil-klassi ta’ oħt Daphne sal-1983, u li minn dakinhar bagħtu messaġġi ta’ awguri u kondoljanzi lil xulxin, issemmiet fil-blogg ta’ Daphne erba’ darbiet.
Fi Frar 2010, semmietha f’riproduzzjoni ta’ stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni fl-2001, meta tnediet il-Kummissjoni għall-Ħatra tal-Esperti tal-Qorti. Dakinhar Dr Frendo Dimech ġiet nominata bħala membru tal-Kummissjoni mill-Avukat Ġenerali.
F’Awwissu 2013, Donatella Frendo Dimech, dakinhar Deputat Avukat Ġenerali dehret flimkien ma’ żewġha u l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera u s-sieħeb tagħha, “il-konsulent tal-Gvern Laburista Robert Musumeci”, jippranzaw f’restorant Indjan fl-Imsida. Il-ġurnalista kienet kitbet ukoll li kemm Frendo Dimech kif ukoll Scerri Herrera jafu li ma jistgħux ikollhom din it-tip ta’ relazzjoni.
F’Novembru 2016, reġgħet semmietha fost l-14-il imħallef u maġistrat ġdid li nħatru fi tliet snin ta’ Gvern Laburista. Skont Daphne, Frendo Dimech mhix parti mill-10 li “għandhom rabtiet diretti mal-Partit Laburista”.
F’Marzu 2017, Daphne semmietha, meta ma sabitx ħatja b’malafama, insulti u theddid lill-ekssieħba tal-eksdeputatgvernatur tal-Bank Ċentrali Alfred Mifsud.
Newsbook.com.mt se jkun qed jippubblika sensiela ta’ rapporti dwar x’kitbet Daphne fuq il-Maġistrati, li jistgħu jintgħażlu biex jisimgħu l-kumpilazzjoni dwar il-każ tagħha.