Assassinju Daphne: Jisħqu li t-telefonati ġew interċettati illegalment

Arkivji

Read in English.

George Degiorgio b’każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali għax jgħid li nkisurlu d-drittijiet fundamentali

George Degiorgio wieħed mill-irġiel akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fetaħ każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali dwar it-telefonati tiegħu li ġew interċettati mil-Pulizija iżda li qatt ma ntużaw il-Qorti. Huwa qal li huma illegali u għalhekk m’għandhomx jibqgħu fir-rekord ta’ dan il-każ.

Waqt il-kompilazzjoni tal-evidenza kontra t-tliet akkużati; George u ħuh Alfred Degiorgio u Vince Muscat, il-Pulizija spjegaw li kienu interċettaw it-telefonati tal-akkużati u anke l-moviment tal-bomba. Madankollu l-ebda telefonata ma ġiet ippreżentata fil-Qorti bħala evidenza.

L-Avukat ta’ George Degiorgio argumenta li l-fatt li ma kien hemm l-ebda mandat mill-Ministru responsabbli mis-servizzi tas-sigurtà li awtorizza l-informazzjoni mit-telefonati, titfa’ dubji serji jemm dawn ġew interċettati b’mod legali.

Żied li minkejja l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali jafu li din l-informazzjoni tista’ tkun evidenti għal dan il-każ, huwa għażlu li ma tintużax fil-Qorti. Għalhekk dan jista’ jfisser li jew mhux vera li l-Pulizija għandha din l-evidenza inkella li l-evidenza inġabret b’mod illegali.

L-avukat insista li l-attenzjoni li ngħatat mill-midja dwar dawn il-konverżazzjonijiet li saru daqs li kieku kienu legali kisru l-preżunzjoni tal-innoċenza tal-akkużat. George Degiorgio saħaq li t-telefonati interċettati kisrtu d-drittijiet fundamentali tiegħu u għalhekk qed jitlob kumpens  u għandha titneħħa kull evidenza miksuba b’mod illegali.