Assassinju Daphne: “Jekk kienu inkompetenti jirriżenjaw” – Mizzi dwar il-Kummissarju u l-AĠ

L-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi qalet li jekk il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali “kienu inkompetenti u setgħu b’xi mod jipprevenu l-att barbaru li ħasad il-ħajja ta' ġurnalista”, allura għandhom jirreżenjaw. Żiedet tgħid li l-argument ikun differenti, jekk ir-riżenja qed tintalab sempliċiment għax dawn iż-żewġ persuni mhux kapaċi. 
F'intervista ma' Marlene Mizzi wara d-dibattitu fil-Parlament Ewropew, dwar is-Saltna tad-Dritt f'Malta u l-protezzjoni tal-ġurnalisti, Newsbook.com.mt staqsa fost l-oħrajn dwar it-talbiet li saru għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-Avukat Ġenerali Peter Grech.
L-Ewroparlamentari qalet li l-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali ssemmew mil-MPEs “għax xi ħadd qalilhom.”
“Li kieku ma rewħux kontra dawn it-tnejn min-nies, l-Ewroparlamentari ma kinux se jaqbdu mal-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali,” qalet Marlene Mizzi.
Minkejja dan saħqet li hi bl-ebda mod mhu qed tagħti ġudizzju dwar jekk il-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali għandhomx jirriżenjaw.
Marlene Mizzi kompliet tgħid li l-ebda Prim Ministru u lanqas Avukat Ġenerali mhu se jwaqqaf lil xi ħadd li jkun irid iwettaq att kriminali.
Fakkret f’attakki terroristiċi li seħħew fl-Ewropa, li fihom mietu ħafna nies, iżda qatt ma ntalbet ir-riżenja ta’ ħadd.
 

Ikkritikat ukoll lil dawk l-MPEs li talbu għar-riżenja tal-Prim Ministru u qalet li partiti bħal dak tal-ħodor ma għandhomx jindaħlu meta Gvern ikun elett demokratikament bħal fil-każ ta’ Malta.
L-Ewroparlamentari rrikonoxxiet li qed issir ħsara lil Malta iżda saħqet li din ma saritx għalxejn.

“Xi ħadd qed irewwaħ,” saħqet Marlene Mizzi. “Malta mhijiex mafia state.”
Marlene Mizzi kompliet tisħaq li “qed indardru l-ilma li qed nixorbu minnu” għax fi kliemha l-ħsara li qed issir jista’ jkun li se taffettwa t-turiżmu, l-investiment, il-karrieri u oqsma oħra.
Dwar il-fatt li anke Deputati tal-Parlament Ewropew iddiskrivew l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia bħala “qtil politiku,” Marlene Mizzi qalet li għadu kmieni wisq biex wieħed jispekola u jgħid għalfejn seħħ.
“Iktar hemm ċans li min wettaq l-attakk għamilha biex ma toħroġx informazzjoni li kienet għadha trid toħroġ,” saħqet Mizzi.
Qalet li hi tittama u tawgura li min wettaq dan il-qtil brutali jinqabad u jkun hemm minn jiddispjaċih meta, fi kliemha, dawn l-allegazzjonijiet u anke spekulazzjonijiet li qed isiru jiġu fix-xejn.
Temmet tappella għall-għaqda biex fi kliemha minn wettaq dan l-att barbaru jinqabad.