Aġġornata (2): Is-Servizzi Sigrieti jgħidu li ma kinux jafu bil-pjan tal-qtil ta’ Daphne; Gvern f’kollużjoni mal-kriminali – Azzopardi

Is-Servizzi Sigrieti ta’ Malta qalu li qatt ma kellhom informazzjoni dwar xi pjan biex tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia wara li d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-Gvern kien f’kollużjoni mal-kriminali.
Fi stqarrija, is-Servizzi Sigrieti qalu li mhix prassi normali għas-Servizzi biex jikkummentaw dwar “stqarrijiet spekulattivi”.
Stqarrija tal-Pulizija
Il-Pulizija qalet fi stqarrija tard billejl li dak kollu li qed jallega Azzopardi mhu minnu xejn.
Il-Korp tal-Pulizija ċaħad li qatt kien hemm xi informazzjoni li żgiċċat minn xi uffiċjal tal-Pulizija lit-tliet akkużati, li kienu sejrin biex jarrestawhom.
Intqal ukoll li s-Surġent Aldo Cassar, li Azzopardi qed jgħid li informa lill-akkużati bl-arrest minn qabel, kienu ttieħdu passi kontrih, iżda ma kellhom x’jaqsmu xejn ma’ dak li qed jallega Azzopardi, kif ta x’jifhem hu. Skont il-Pulizija, is-Surġent lanqas qatt ma kellu din l-informazzjoni dwar l-arrest.
Il-Pulizija sostniet li l-informazzjoni kollha relatata mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia dejjem ġiet ippreżentata fil-Qorti, u qatt ma kien hemm informazzjoni lil hinn mill-binja tal-Qorti.
Finalment, il-Korp tal-Pulizija enfasizza li allegazzjonijiet bħal dawn ta’ Jason Azzopardi jtellfu l-proċess u mhux jgħinuh. Ixekklu lill-Pulizija milli twettaq xogħolha sewwa u tkompli tibni l-evidenza f’dal-każ kontra t-tliet akkużati.
X'allega fil-Qorti l-Membru Parlamentari Jason Azzopardi?
Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li kien is-Surġent Aldo Cassar (PS88) li nforma lit-tliet persuni akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li kienu se jiġu arrestati.
Fil-Parlament Azzopardi qal li lejn Ġunju tal-2013, is-Surġent Aldo Cassar (PS88) ġie trasferit għad-dipartiment tal-Kriminalità Ekonomika. Qalet li dan kien jaħdem fl-ajruport meta bdew ħerġin stejjer fil-midja dwar skandlu tal-visas.
Azzopardi rrefera għal artiklu li deher fil-gazzetta Taljana La Repubblica li jgħid li l-akkużati ġew mistoqsija kif kienu jafu li kienu ġejjin il-pulizija għalihom. Skont Azzopardi, il-Kummissarju tal-Pulizija jaf bil-każ imma ma ħax passi kriminali kontra Cassar, tah biss trasferiment.
Azzopardi tenna t-talba tiegħu għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Qal li l-Gvern jinsab f'kollużjoni mal-kriminali.
 

https://platform.twitter.com/widgets.js

Jason Azzopardi rrefera wkoll qal dak li rrappurtat La Repubblica li żvelat li Daphne Caruana Galizia kienet irċeviet 680,000 dokument fir-Rebbiegħa tal-2017 dwar il-kumpanija SOCAR.
Il-kumpanija SOCAR hija mill-Ażerbajġan. Il-Gvern sar jaf li dawn id-dokumenti li juru li Malta qed tħallas id-doppju għall-gass ġew f'idejn il-ġurnalista.
"Ma nagħmlux mod illi l-Gvern sar jaf li l-mument li id-dokumenti ġew f'idejn Caruana Galizia, fil-fatt hi ħarġitilha l-kundanna tal-mewt hux? Ma namlux mod li l-Gvern ma seta' qatt jippermetti li jkollu l-omiċidju tal-ġurnalista erba' jew ħames xhur qabel l-elezzjoni ġenerali li kellha ssir fir-Rebbiegħa tal-2018?" staqsa Jason Azzopardi.
 

https://platform.twitter.com/widgets.js

 

https://platform.twitter.com/widgets.js

Fuq Facebook, il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa qal li dan juri koordinazzjoni bejn membru tal-Korp tal-Pulizija qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-assassini tal-ġurnalista. Qal li dan sar bla konsegwenzi ta' xejn. Iddeskriva s-sitwazzjoni bħala każ ta' ġenn.