Assassinju Daphne: It-3 akkużati jerġgħu jitolbu għall-ħelsien mill-arrest

Jesmond Vassallo

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fil-jiem li ġejjin mistennija tħabbar id-deċiżjoni tagħha dwar jekk it-tliet persuni li qed jiġu akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia hux se jingħataw il-ħelsien mill-arrest.

L-avukati tad-difiża reġgħu argumentaw biex it-tliet irġiel suspettati jingħataw il-ħelsien mill-arrest. Għal din it-talba l-prosekuzzjoni fakkret li kienet diġà saret waħda simili x-xahar li għadda u din ġiet miċħuda.

Waqt seduta ta’ ħames sigħat, l-esperti minn naħa tal-EUROPOL u l-Istitut Forensiku tal-Olanda, li nħatru biex jgħinu lill-awtoritajiet Maltin fil-każ, taw ix-xhieda tagħhom quddiem il-Maġistrat.

Ippreżentaw evidenza diġitali li ġabru mir-residenzi, vetturi, u mit-tinda tal-patata fil-Marsa. L-esperti tal-EUROPOL ippreżentaw hard disk li fiha hemm l-istampi u l-informazzjoni kollha li ġiet analizzata minnhom.

Wara l-esperti tal-EUROPOL, xehdu l-esperti mill-Istitut Forensiku tal-Olanda (NFI). Wara x-xhieda ta’ erba’ persuni nnominati mill-Qorti, id-difiża oġġezzjonat fuq żewġ persuni li ma kinux innominati mill-Maġistrat. Waħda minnhom tħalliet tixhed filwaqt lit-tieni persuna ma xehedx illum qabel ikun stabbilit jekk kienx innominat mill-Maġistrat inkwerenti jew le.

L-esperti tal-Istitut Forensiku tal-Olanda, li investigaw ix-xena tad-delitt kkonfermaw li l-bomba tpoġġiet in-naħa tas-sewwieq. Wieħed minnhom qal li l-qafas tal-karozza tgħawweġ minn ġewwa għal barra. Spjegaw kif il-post ġie investigat bir-reqqa u ttieħdu kampjuni.

Is-seduta li jmiss se ssir fis-17 ta’ Lulju fid-9.30am.

Aqra hawn taħt biex tara x’ġara fil-Qorti dalgħodu minuta b’minuta

14:35 Il-Maġistrat qalet li għandha tagħti digriet fuq it-talbiet li għamlet id-difiża fosthom dik tal-ħelsien mill-arrest. Id-digriet għandu jinħareġ fil-jiem li ġejjin.

14:31 L-Avukat mill-Uffiċċju tal-AĠ, Philip Galea Farrugia jgħid li xahar ilu saret talba simili u l-ħelsien mill-arrest ġie miċħud.

14:25 L-avukat tad-difiża, Cuschieri, qed jargumenta biex l-imputati jingħataw il-ħelsien mill-arrest. Huwa saħaq li x-xhieda, mhix pajżana iżda minn esperti. Filwaqt li sostna li għalkemm kien hemm argumenti li l-imputati jistgħu jaħarbu minn Malta u semma kif dawn għandhom familja u f’każijiet minnhom tfal żgħar f’Malta.

Cuschieri argumenta li persuni b’akkużi agħar mill-imputati ngħataw ħelsien mill-arrest.

L-avukat Fenech qed jargumenta li l-klijent tiegħu, Vincent Muscat, ma ssemma mkien apparti mill-ftuħ tal-każ, u qal li “nzerta kien magħhom” fit-tinda tal-patata fil-Marsa. Huwa sostna li lanqas l-esperti tal-FBI ma semmgħu lill-klijent tiegħu. Huwa qed jargumenta li għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest.

DCG Malta Court Murder Suspects

14:12 Jitla’ jixhed persuna oħra mill-Istitut Forensiku tal-Olanda, iżda qabel jibda, l-avukati tad-difiża jerġgħu joġġezzjonaw għax skonthom mhuwiex espert nominat.

Jitkellem l-avukat tal-familja Jason Azzopardi li jispjega xi tfisser il-kumpilazzjoni u jgħid li għalissa għadhom qed jinġabru l-provi u mhux li jaraw x’inhu aċċettabbli jew le.

Id-difiża tagħmel l-oġġezzjoni tagħha fil-konfront ta’ dan l-espert għax ma kienx innominat u lanqas kien awtorizzat li janalizza. L-avukat Fenech qed jgħid li jsir “abbuż tal-liġi” jekk persuna tingħata ċ-ċans li dan l-espert jagħti x-xhieda tiegħu.

Il-prosekuzzjoni tgħid li l-persuna ma analizzax iżda prova jippreserva l-mowbajl tal-vittma.

Il-prosekuzzjoni qed tirrinunzja għal dan ix-xhud sakemm ma jiġix ikkonfermat jekk dan l-espert kienx innominat għal din l-inkjestà jew oħra.

14:04 Fil-kontro-eżami l-mara ġiet mistoqsija għalfejn ħadet fil-kustodja tagħha l-mowbajl meta hi ma kinitx innominata mill-Maġistrat. Ħareġ ukoll li l-mowbajl intbagħat lura Malta b’DHL.

L-avukati tad-difiża oġġezzjonaw għax-xhieda tal-persuna li għadha kif tat ix-xhieda tagħha.

Il-prosekuzzjoni tgħid li hi ma xehditx bħala espert iżda kienet biss koordinatriċi.

Il-mowbajl ta’ Caruana Galizia ngħata fil-21 ta’ Ottubru.

13:54 Jmiss persuna oħra tixhed mill-Istitut Forensiku tal-Olanda li ma kinitx appuntata mill-Maġistrat iżda li rċeviet il-provi materjali. L-avukati tad-difiża joġġezzjonaw kontra li din il-mara tixhed. Iżda l-Maġistrat tgħid li l-ewwel tara x’se tkun qed tixhed.

13:37 L-esperti qed jiddeskrivu x’sabu fuq il-post tad-delitt; huma qed jagħtu deskrizzjonijiet dettaljati ta’ kif instabet il-karozza, il-ġisem, u l-affarijiet l-oħra li nstabu fuq il-post.

Il-bomba tpoġġiet taħt in-naħa tas-sewwieq: dan ġie kkonfermat mill-espert li xehed dalgħodu, huwa ddeskriva wkoll kif il-qafas tal-karozza ħareġ ‘il barra.

L-esperti qalu li waħda mill-affarijiet li ċċekkjaw huwa li r-residwi tal-isplussiv huma kienu kollha l-istess minn dawk li kienu miġbura minn fuq il-post.

Kollox kien eżaminat Malta, apparti l-mowbajl li ntbagħat ukoll l-Olanda.

13:26 Jixhed espert ieħor mill-Istitut Forensiku tal-Olanda; jispjega t-tieni ġurnata ta’ investigazzjoni u jgħid li l-metall tal-karozza kien mgħawweġ minn ġewwa għall-barra.

Il-post kollu ġie mfittex bir-reqqa mill-esperti.

13:14 L-ewwel espert jgħid li ġie mqabbad wara li riċeva telefonata mingħand il-pulizija dakinhar li sar l-assassinju. L-espert qal lill-pulizija biex jippreservaw il-post fejn sar l-assassinju. Huma flimkien mal-Pulizija għamlu pjan ta’ investigazzjoni.

Huma bdew l-investigazzjoni fuq il-post fis-17 ta’ Ottubru u spiċċaw fid-19 ta’ Ottubru. Kien baqa’ fdaljiet tal-ġisem mal-art. L-esperti Olandiżi qalu lill-Pulizija Maltija jagħmlu żgur li ma jintmiss xejn.

L-evidenza li kienet miġbura minn fuq il-post fejn seħħet l-isplużjoni ngħatat lill-Pulizija.

Il-ġisem tal-ġurnalista assassinata nstab fuq quddiem tal-karozza. Is-sieq il-leminja nstabet fit-triq. Minn fuq is-sieq l-espert jgħid li rnexxielhom jieħdu kampjuni tar- residwi tal-isplussiv.

13:10 Il-Maġistrat terġa’ ssaqsi lid-difiża jekk iridux jistaqsuhom issa lill-esperti forensiċi mill-Istitut Forensiku tal-Olanda dwar il-kwalifiċi tagħhom.

13:01 Issa se jixhdu 4 esperti mill-Istitut Forensiku tal-Olanda, li ħadmu fuq ir-rapport flimkien.

12:55 Il-Kriminologu Saviour Formosa ppreżenta mudell 3D tat-tinda tal-patata li fiha saru l-arresti. Il-Maġistrat tistaqsi lid-difiża jekk hemmx xi kontra eżami u b’ton ironiku ssaqsi jekk hux se jsaqsu għall-kwalifiċi.

Intant jidher li hemm qbil li s-seduti li jmiss se jkunu fis-17 u d-19 ta’ Lulju.

12:48 L-avukati tad-difiża daħħlu oġġezzjoni li l-Maġistrat qalet li ngħatat kopja issa. Hi talbet lil Cuschieri u lil Fenech biex jirrispondu u jispjegaw l-oġġezzjoni tagħhom. Il-Maġistrat tibda titlef il-paċenzja mal-avukati tad-difiża, dan wara li saqsithom diversi drabi biex jispjegaw x’inhi l-oġġezzjoni li għamlu.

L-avukati tad-difiża qed jistaqsu dwar l-indipendenza tal-esperti tal-EUROPOL, dan wara li argumentaw kontra li l-EUROPOL tkun involuta fl-estrazzjoni tal-informazzjoni mill-SD Card li mhix taħdem.

12:37 Jidher li Alfred Degiorgio fetaħ proċedura kostituzzjonali t-Tnejn li għadda fejn qal li d-drittijiet tiegħu ġew miksura.

12:34 It-tieni espert tal-EUROPOL issejjaħ fl-awla biex jikkonferma l-firem tiegħu fuq ir-rapport li jiddokumenta l-provi materjali li ġew esebiti.

L-esperti reġgħu lura fl-awla hekk kif kienet preżentata l-hard drive li fiha għandha l-immaġini kollha u l-estrazzjonijiet li saru mill-oġġetti elevati waqt it-tfittxijiet. (L-oġġetti elevati u li ġew preżentati bħala evidenza għandhom x’jaqsmu ma’ evidenza diġitali).

12:26 L-avukat tad-difiża saqsa lill-espert tal-EUROPOL jekk hu stess kienx preżenti f’xi tfittxijiet. L-avukat tad-difiża staqsih għall-kwalifiċi mill-Università fil-qasam tal-forensika.

11:55 L-ewwel espert tal-EUROPOL, hekk kif iż-żewġ esperti l-oħra jinsabu barra mill-Awla, jibda jiddentifika l-provi materjali li nġabru waqt it-tfittxija. L-evidenza qed titpoġġa f’envelopes u kaxxi li nġabu apposta.

11:43 Wara waqfa qasira, il-Qorti se tkompli bil-kumpilazzjoni tal-evidenza. Qabel il-waqfa, ġie deċiż li l-evidenza titpoġġa f’boroż taż-żibel għalissa, minħabba li ma ħasbux għall-ammont tal-evidenza li ġiet preżentata.

Waqt il-ġbir ta’ provi fil-Marsa, fit-tinda, kienu preżenti t-tliet imputati. Filwaqt li fir-residenzi rispettivi tagħhom, fil-każ ta’ George Degiorgio kienet preżenti s-sieħba tiegħu. Il-provi materjali li qed jinġabru bħala evidenza dalgħodu ġew elevati mir-residenzi, vetturi, mit-tinda tal-patata u mill-baħar.

L-avukat tad-difiża jerġa’ jgħid li ma kienx hemm mandat ta’ tfittxija filwaqt li l-Ispettur Arnaud jwieġeb li kien hemm.

11:11 Il-Qorti ġiet infurmata li l-persuna li ġabar il-provi kiser saqajh u ma setax ikun preżenti iżda l-provi materjali xorta se jiġu esebiti fil-Qorti. L-Ispettur Arnaud qal li din il-persuna se titla’ d-darba li jmiss.

10:54 It-tieni espert jispiċċa bil-provi materjali li ħadem fuqhom. Għad-domanda ta’ Arnaud jgħid li l-informazzjoni li nġabret tinsab fuq hard disk li se tingħata lill-Qorti. L-avukat tad-difiża Fenech jerġa’ jistaqsi min ħa l-provi materjali lil EUROPOL fl-Olanda u staqsa wkoll x’inhuma l-kwalifiċi tal-espert.

10:22 Issa l-esperti se jitkellmu fuq ix-xogħol tagħhom individwali u għalhekk espert wieħed biss jibqa’ fl-awla. Il-provi materjali li ħadmu fuqhom l-esperti qed jiġu preżenti f’rapport quddiem il-Qorti.

10:15 It-tieni u t-tielet espert  jispjegaw kif inġabru l-oġġetti li se jiġu esebiti fil-Qorti, u kif inġabret l-informazzjoni.

10:07 L-espert tal-EUROPOL qal li kien hemm tliet kategoriji ta’ oġġetti: l-oġġetti li ġew eżaminati f’Malta, oġġetti li ma kinux ta’ interess forensiku u oġġetti li ġew trasferiti lejn il-EUROPOL. Din l-evidenza kienet issiġillata u twasslet minn forensiku għand il-EUROPOL. Huwa qal li din l-evidenza inġabet lura Malta meta mistoqsi mill-Ispettur Arnaud x’ġara mit-tielet kategorija.

09:59 Wara li tliet esperti tal-EUROPOL ħadu l-ġurament, se jibdew jagħtu x-xhieda tagħhom fuq ir-rapport li ħadmu fuqu flimkien. L-esperti forensiċi nħatru mill-Maġistrat Inkwirenti biex jgħinu lill-awtoritajiet Maltin fil-każ. Huma waslu Malta fit-3 ta’ Diċembru 2017. L-irwol tat-tliet esperti kien li jidentifikaw oġġetti diġitali li setgħet tkun evidenza. Huma kienu qed jgħinu lis-CID.

09:55 Philip Galea Farrugia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ssuġġerixxa li l-esperti tal-EUROPOL jagħtu x-xhieda b’mod konġunt dwar fejn ħadmu flimkien filwaqt li fuq il-partijiet li ħadmu separatament jixhdu b’mod separat.

09:47 Ikompli l-battibekk fl-awla. Il-Maġistrat tgħid li fil-passat kien hemm sitwazzjonijiet simili iżda l-avukati tad-difiża ma oġġezzjonawx. L-avukat tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi insista li meta jinħatru l-esperti biex jaħdmu flimkien, jagħtu x-xhieda flimkien.

09:40 L-avukat tad-difiża Martin Fenech qed jargumenta li l-esperti tal-EUROPOL jagħtu x-xhieda tagħhom b’mod separat filwaqt li l-Ispettur Keith Arnaud saħaq li r-rapport ġie miktub b’mod konġunt.

09:30 L-akkużati jinsabu fl-awla.

09:28 Ninsabu l-Qorti fejn qed nistennew li tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda. Preżenti fl-awla hawn ukoll il-qraba tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

X’ġara s’issa?

Il-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia kienet assassinata b’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru li għadda viċin id-dar tagħha fil-Bidnija.

F’Diċembru l-Pulizija arrestat 10 irġiel b’rabta mal-assassinju. Tlieta minnhom tressqu l-Qorti, fejn għaddejja l-kumpilazzjoni tax-xhieda. It-tliet akkużati huma Alfred Degiorgio “il-Fulu”, ħuh George Degiorgio “ċ-Ċiniż” u Vince Muscat “il-Koħħu”.

Il-Qorti se tkun qed tiddeċiedi jekk l-imputati humiex se jkunu qed jingħataw il-ħelsien mill-arrest dalgħodu wara s-seduta ta’ Ġunju wara li jsiru s-sottomissjonijiet tal-partijiet

Fl-aħħar seduta xehed espert li prova jiġbor il-filmati tal-SD cards li jista’ jkun fihom il-ħidma tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt il-baħar. Huwa saħaq li l-esperti tal-Europol għandhom il-makkinarju neċessarju biex dawn il-filmati jiġu elevati. F’April kien ħareġ li dawn il-filmati ma għadhomx aċċessibbli f’xhieda li kien ta’ suldatKienet xehdet ukoll il-mara li kienet għaddejja mill-Bidnija dak il-ħin tal-assassinju.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qed tippresiedi l-kumpilazzjoni tal-evidenza.

AQRA: Espert tal-Qorti jirrifjuta li jwieġeb

AQRA: Il-Qorti tgħid li Silvio Valletta mhux postu fl-investigazzjoni

AQRA: Il-Qorti tiddeċidi li tinstema’ x-xhieda tal-FBI

AQRA: Il-familja ta’ Daphne tista’ tintervjeni fil-każ tal-Fulu – Il-Qorti

AQRA: Il-Qorti minuta b’minuta dwar jinħelsux l-akkużati

AQRA: Il-Qorti minuta b’minuta

AQRA: Il-Wasla tal-akkużati fil-Qorti

AQRA: Il-Maġistrat tilqa’ t-talba tal-akkużati; il-Qorti trid taħtar Maġistrat ieħor

AQRA: Smigħ fil-Qorti u argument ‘strumentali’

AQRA: L-aħwa Degiorgio u l-Koħħu dalwaqt għall-Qorti