Assassinju Daphne: “Is-soluzzjoni hi fit-tip ta’ bomba”

Tom Kington, ġurnalist mit-Times ta’ Londra qal li t-tip ta’ bomba li biha ġiet assassinata l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tista’ tkun is-soluzzjoni tal-investigazzjoni.
Kington qal dan waqt il-programm Newsline li jixxandar kull nhar ta’ Sibt bejn l-10am u nofsinhar fuq RTK.
Il-ġurnalist, li fil-jiem li għaddew intervista lill-whistleblower fil-każ Egrant, ir-Russa Maria Efimova, qal li l-esperjenza turi li l-bomba ħafna drabi titfa’ dawl fuq min poġġieha.
Semma każijiet fl-Italja fejn investigazzjoni dettaljata dwar it-tip u anke l-loġistika tal-bomba, tefgħet dawl u wasslet biex inqabdet l-id wara l-assassinju.
Insista li kollox irid jibda mill-bomba, għax skontu din tagħti ħafna informazzjoni għax fi kliemu, min ipoġġiha dejjem se jħalli xi traċċa.
“L-assassinju ma riedx isikket biss lil Daphne”
Tom Kington qal biċ-ċert li l-assassinju ta’ Caruana Galizia ma kienx sempliċiment delitt imma “messaġġ” lil ħaddieħor.
“Hemm ħafna modi kif tista’ toqtol lil xi ħadd,” qal Kington waqt li spjega li l-mod kif seħħ l-assassinju huwa prova fih innifsu li xi ħadd ma riedx isikket biss lilha.
 

“Maria Efimova tara rabta bejn dak li allegat u l-assassinju”
Il-ġurnalist tat-Times ta’ Londra tkellem ukoll dwar dak li qaltlu Maria Efimova, l-eksimpjegata tal-Bank u l-whistleblower li allegat li l-kumpanija Egrant fil-Panama hija ta’ mart il-Prim Ministru Joseph Muscat, xi ħaġa li kemm Dr Muscat u anke martu ċaħdu aktar minn darba.
Għalkemm fl-intervista ma qalitx hekk iswed fuq l-abjad, il-ġurnalist qal li seta’ jifhem li Efimova tara rabta bejn l-informazzjoni li għaddiet, it-tranżazzjonijiet mir-reġim tal-Ażerbajġan fil-Bank Pilatus u l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Propju għalhekk li qalet li ħajjitha tkun fil-periklu jekk tiġi Malta, tant li baqgħet tirrifjuta li tgħid lill-ġurnalist fejn qed tgħix.
Kington żar ukoll Malta biex jifhem aħjar dan il-każ u fi kliemu tkellem ma’ “protagonisti”.
Semma rabtiet oħra li qed jissemmew, fosthom dik li qed jaraw prosekuturi Taljani mal-każ ta’ Darren Debono u t-traffikar illegali taż-żejt mil-Libja.
Iżda qal li hemm ukoll possibilitajiet oħra, fosthom dak li qallu l-ġurnalist Joe Mikallef u l-possibilità li fl-assassinju ta’ Daphne hemm involuta gang Maltija li mhux neċċessarjament marbuta ma’ Darren Debono.
“Efimova konfuża dwar il-mandat ta’ arrest internazzjonali”
Dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u internazzjonali għal Maria Efimova, il-ġurnalist Ingliż qal li l-whistleblower tinsab konfuża u tixtieq tkun taf il-verità dwar jekk hux veru hemm mandat.
Spjega kif hi qaltlu li meta semgħet bl-aħbar marret f’għassa tal-Pulizija tistaqsi dwar jekk hux veru hemm mandat ta’ arrest dwarha, iżda fi kliemha l-Pulizija ma sabu xejn.
Fil-15 ta’ Novembru li għadda fil-Qorti nstema’ kif inħareġ mandat Ewropew u Internazzjonali għall-arrest tal-whistleblower għax ma dehritx għas-seduti tal-Qorti.
Kien intqal li Efimova telqet minn Malta flimkien mal-familja tagħha u li ħadd ma jaf fejn qiegħda.
F’intervista mat-Times of Malta, ftit wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia, Efimova qalet li kienet Daphne stess li qaltilha biex tħalli l-pajjiż għax ma kinitx sigura.