Assassinju Daphne: Is-‘sensar’ mill-isptar għad-Depot

Read in English.

Ir-raġel li qed jitqies li għamilha tas-“sensar” fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia reġa’ lura fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija wara li daħal l-isptar dalgħodu kmieni. Dan ġie rrappurtat mit-Times għall-ħabta tal-4pm.

Skont is-sorsi tat-Times, ir-raġel, Melvin Theuma ta’ 41 sena, ilmenta dwar “problemi mediċi” u ttieħed l-Isptar Mater Dei akkumpanjat minn uffiċjali tal-Pulizija. Mhux magħruf jekk il-kundizzjoni tiegħu hix serja. L-istess sorsi tat-Times qalu li r-raġel qed jinżamm taħt superviżjoni tal-Pulizija.

Assassinju Daphne: Pass ieħor biex jinqabad il-mandant

Ir-raġel qed jitlob maħfra presidenzjali assoluta fuq reati li wettaq fil-passat, jekk jagħti dettalji dwar l-assassinju tal-ġurnalista li seħħ f’Ottubru tal-2017.

Assassinju Daphne: Il-PM jirrakkomanda maħfra presidenzjali

Kelliem għall-Pulizija ma setax jikkonferma dan ma’ Newsbook.com.mt u ġejna mitluba nibagħtu mistoqsijiet.

X’ġara iżjed illum?

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ta kummenti lil sezzjoni tal-midja dalgħodu f’Kastilja. Huwa stqarr li l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia huwa l-ikbar każ li qatt ġie investigat f’Malta.

Yorgen Fenech: “L-ikbar każ s’issa” – PM

F’kummenti li ta lil sezzjoni tal-midja dalgħodu f’Kastilja, li dwarha Newsbook.com.mt ma kienx infurmat, il-Prim Ministru la ċaħad u lanqas ikkonferma jekk ġewx interrogati persuni oħra fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu. Dan apparti li ġie nterrogat Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black. Però, skont sorsi li nfurmaw lil Newsbook.com.mt, inġabru nies oħra.

Arrest Fenech: Avukat fost l-investigati

Fenech ġie arrestat jumejn ilu b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Illum qed titkompla l-interogazzjoni tiegħu, wara li lbieraħ nħeles b’police bail.