​Assassinju Daphne: Informazzjoni elettronika li nġabret ma tistax tintuża’ – id-difiża

Alfred Degiorgio, wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qed jgħid li informazzjoni elettronika li nġabret b’rabta mal-każ inġabret permezz ta’ liġi invalida u għalhekk hi ammissibbli.
Alfred Degiorgio, magħruf bħala l-Fulu, għamel applikazzjoni kostituzzjonali biex din l-informazzjoni titneħħa mil-każ.
L-avukat tiegħu qal li d-direttiva tal-Unjoni Ewropea (UE) 2006/24/EC dwar iż-żamma tad-dejta mill-kumunikazzjoni elettronika tpoġġi obbligu fuq il-provvedituri tas-servizz li jżommu d-dejta tal-utent għall-użu tal-awtoritajiet nazzjonali. Id-direttiva ġiet trasposta fil-liġi ta’ Malta permezz ta’ avviż legali fl-2008.
Skont l-avukat, f’każ li deher quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fl-2014, din il-liġi ġiet iddikjarata bħala waħda invalida. B’hekk, l-avviż legali imsemmi ġie dikjarat null u bla effett.
L-avukat saħaq li ż-żamma tad-dejta u l-aċċess tal-awtoritajiet għaliha kien kollu illegali. Żied jgħid li din l-informazzjoni ngħatat lill-espert tal-qorti Martin Bajada. Hu kien talab speċifikament għal din id-dejta li għaddiha wkoll lill-FBI.
Dalgħodu, il-Qorti ddeċidiet li l-familja Caruana Galizia tista’ tipparteċipa f’kawża oħra li kienu fetħu l-akkużati.
L-avukati tat-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia talbu lill-Qorti biex jipposponu l-kumpilazzjoni tax-xhieda mill-esperti tal-FBI għax jista’ jkun li x-xhieda tagħhom tiġi nvalidata.
Ritratt: Arkivji